minn Angelo Micallef
Il-President Amerikan Abraham Lincoln darba stqarr li: “Democracy is the government of the people, by the people, for the people”. Stqarrija li tul iż-żmien baqgħet waħda ikonika u magħrufa ferm. Stqarrija li tiġbor fiha l-aktar principji importanti ta’ xi tfisser verament demokrazija.
Jekk wieħed jixtarr sew kliem Lincoln wieħed jifhem li gvern demokratiku jwieġeb lill-poplu, għalhekk il-kliem ‘of the people’. Huwa l-Gvern li huwa servili lill-poplu u mhux il-poplu servili lill-Gvern. Il-poplu bir-raġun għandu jistenna gvern li jaħdem b’mod fejn huwa ċar li dawk li jinsabu fis-siġġu tal-poter qegħdin jaqdu dak ir-rwol mhux b’sens ta’ kburija jew pompożità imma b’sens ta’ servizz civiku lejn il-poplu.
Wieħed jifhem ukoll li l-poplu jeħtieġ li jkun fil-qalba tal-Gvern. Il-Gvern ma jistax ikun xi klikka żgħira ta’ nies li jibnu xi xirka tal-poter imma jeħtieġ li jkun magħmul ‘by the people’ jiġifieri mill-poplu; minn kull saff tas-socjetà f’możajk ta’ differenzi li flimkien jagħmlu pittura waħda.
Fuq kollox gvern demokratiku għandu jara li l-ħidma tiegħu tkun iffokata esklussivament fl-aħjar interess tan-nies, ‘for the people’. Gvern mhux qiegħed hemm biex xi ħadd jagħmel il-vendetti personali jew biex jgħin lil xi ħadd partikolari jistgħana bi spejjeż ta’ kulħadd. Gvern qiegħed hemm għall-ħidma kollettiva fl-aħjar interess tal-ġid komuni.
Pass lura
Donald Trump issa ilu xahrejn fis-siġġu tal-poter fil-White House. Xahrejn li fihom mar kontra kull wieħed minn dawn il-principji ta’ Lincoln. L-amministrazzjoni ta’ Trump hija kollox apparti ‘of the people’ hekk kif s’issa spikkaw il-mumenti ta’ grandjożità personali għal Donald Trump; il-manuvri xejn ammirevoli ta’ Elon Musk li qiegħed jikkawża problemi kbar għal eluf kbar ta’ familji madwar id-dinja u sensiela ta’ deciżjonijiet li bħal donnu jpaxxu biss lil Trump u c-cirku tiegħu.
Amministrazzjoni li certament ma’ tistax tisejjaħ ‘by the people’ hekk kif qegħdin naraw amministrazzjoni dominata minn żewġ multi-biljunarji li qajla qegħdin juru interess fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin ordinarju. Amministrazzjoni li bħal donnu mhux talli mhijiex ‘for the people’ imma hija mibnija madwar kult personali fejn jeħtieġ li jiġi inċensat u glorifikat dak kollu li jgħid u jagħmel Trump.
Issa d-demokrazija Amerikana, jekk tista’ ssejħilha demokrazija bħalissa, ħadet pass ieħor lura. Il-President Trump jhedded maġistrati bi tkeċċija jekk dawn jieħdu deciżjonijiet li ma jdoqqux għal widnejh. Dan mhuwiex aġir konsistenti mal-prinċipji demokratici li l-Istati Uniti tant tħobb tippopha sidihra dwarhom. Dan huwa aġir konsistenti aktar ma’ stati dittatorjali jew awtokratiċi.
Ifhem xejn sorpriża, fuq kollox fil-livell internazzjonali Trump jiftaħar b’kemm għandu relazzjoni tajba ma’ Putin, Xi Jinping u fil-passat anki Kim Jong Un imbagħad jinfexx f’ostilità assoluta lejn pajjiżi bħall-Kanada u l-maġġorparti tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
X’ħasra
Kien fl-4 ta’ Awwissu tas-sena 2022 meta l-Eks Vici President Amerikan Dick Cheney, li għamel għomor ta’ bniedem jimmilita fi ħdan il-Partit Repubblikan li llum Trump imexxi, stqarr “There has never been an individual who is a greater threat to our republic than Donald Trump”. Kliem li jaqbel perfettament ma’ Repubblikan ieħor, l-Eks Chief of Staff tal-White House John Kelly li fit-3 ta’ Ottubru 2023 kien stqarr li Trump hu, “a person that has nothing but contempt for our democratic institutions, our Constitution, and the rule of law”.
X’ħasra li l-Istati Uniti ġiet ridotta f’hekk! X’ħasra li pajjiż li xi darba stajna nqisuh bħala ħabib u alleat, pajjiż li konsistentament iddefenda d-demokrazija llum huwa singolarment l-akbar theddida għad-demokrazija u s-saltna tad-dritt fuq livell globali. X’ħasra li l-partit li xi darba pproduċa nies kbar bħal Abraham Lincoln illum huwa mmexxi minn nies bħal Trump u Musk!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 20 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>