minn Mark A. Sammut Sassi
Il-ġimgħa l-oħra ktibt dwar id-dejta personali, dik l-informazzjoni li tagħtina l-identità. Fid-dinja moderna, mingħajr dik l-identità ma nagħmlu xejn. Id-dinja ormaj qabdet it-triq li titfa’ kollox fuq il-kompjuters, kollox jaħdem b’mod awtomatizzat jew kważi. Il-pagamenti jsiru mhux wiċċ imb wiċċ, imma bil-magni, u b’dik li nsibuha bħala l-intelliġenza artifiċjali.
Hawn hu l-periklu: il-kompjuters jaħżnu l-informazzjoni dwar kull wieħed u waħda minna. Jgħidulha dil-informazzjoni: dejta personali. F’did-dejta personali hemm isimna, kunjomna, l-indirizz, in-numru tal-karta tal-identità, u (ta’ sikwit) il-firma tagħna. Did-dejta personali hi l-wiċċ tagħna magħruf mill-Istat u minn bosta kumpaniji (kbar u żgħar).
Dal-wiċċ faċli li jinsteraq. Jekk tinsteraq id-dejta personali, min jisraqha jista’ jużaha għall-gwadann tiegħu, u għad-detriment tagħna. Jista’ jidħol fil-kont tagħna mal-bank u jeħdilna flusna. Jista’ jinqeda bid-dejta personali tagħna biex jixtri hu u nħallsu aħna. U hemm modi oħrajn. Wieħed mill-eħfef modi ta’ kif tinsteraq id-dejta ġie esplorat fil-film The Beekeeperli ħareġ is-sena l-oħra, bl-attur Jason Statham.
Loyalty cards
Ħafna kumpaniji bdew joħorġu l-loyalty cards, li fihom tkun maħżuna parti mid-dejta personali tagħna. Fil-loyalty cards ikollhom l-isem u l-kunjom, in-numru tal-karta tal-identità u n-numru tat-telefon (u l-mobile), u l-indirizz. Bilfors wieħed irid jistaqsi – partikolarment lill-Awtorità tal-Konsumatur u awtoritajiet oħrajn – jekk dal-kumpaniji għandhomx bżonnha did-dejta kollha, jew humiex qed ikunu invażivi, u jaqbżu l-linja tal-privatezza.
Agħar minn hekk, meta tiġi biex tifdi l-punti li tkun akkumulajt fuq il-loyalty card, ċerti kumpaniji jitolbuk li jarawlek il-karta tal-identità (u ġieli anki jieħdu fotokopja tagħha) u li tiffirma li rċevejt il-punti. L-iskuża li jġibu hi li jridu jaċċertaw ruħhom li l-card hi verament tiegħek.
Naturalment, din mhix biċċa tagħhom. Bil-liġi, il-pussessur hu meqjus is-sid. Fi kliem ieħor, jekk jien għandi xi ħaġa f’idi, skont il-liġi jien preżunt li jien sidha dik il-ħaġa. Sta għal ħaddieħor li jipprova li mhix tiegħi. Jiġifieri, jekk jien immur b’loyalty card għand tal-ħanut, tal-ħanut m’għandu l-ebda jedd jippreżumi li mhix tiegħi. Anzi, bil-liġi obbligat li jaċċetta dak li jidher: jekk il-card hi f’idi, allura hi tiegħi.
Jekk jien nitlef il-card, sta għalija li nagħmel rapport u li ngħarraf lill-kumpanija li tkun ħarġet il-card u mbagħad il-kumpanija tieħu l-passi meħtieġa. Imma li l-kumpanija teħodha fuq spallejha li tara li l-card hi tiegħi u saħansitra teħodli kopja tal-karta tal-identità tiegħi, dan, fil-fehma tiegħi, hu abbuż u niskanta kif l-awtoritajiet kompetenti għadhom ma ħadux azzjoni.
Mill-banda l-oħra, dan hu pajjiż mifni bil-korruzzjoni (u bis-suspetti tal-korruzzjoni) u l-enerġija tal-Gvern aktar hi ddedikata lejn il-protezzjoni tal-membri tiegħu u d-difiża tagħhom mill-akkużi, milli lejn il-ħarsien tal-jeddijiet taċ-ċittadini u tal-konsumaturi. Dan hu eżempju lampanti ta’ kif il-korruzzjoni (u saħansitra x-xamma tagħha) tniġġislek il-kwalità tal-ħajja.
X’għandna nagħmlu?
Jien tal-fehma li meta n-negozji jitolbuna għal wisq dejta personali niqfulhom u ngħidulhom le. M’aħniex obbligati nagħtu d-dettalji personali tagħna lil tal-ħwienet.
Tal-ħanut m’għandu l-ebda interess leġittimu jkun jaf fejn noqogħdu jew x’inhu n-numru tagħna tat-telefon. Aktar minn hekk, m’għandu l-ebda interess leġittimu jkun jaf x’inhu n-numru tal-karta tal-identità tagħna, jew jiffotokopjaha. Jekk qed isir bejgħ f’ħanut, u l-prezz qed jitħallas kollu, u ma hemmx xi kuntratt ta’ garanzija speċjali, did-dejta kollha mhix meħtieġa.
Biex nixtri turnavit jew tubu tad-dawl, mhemmx bżonn li tal-ħanut ikun jaf in-numru tat-telefon jew tal-karta tal-identità tiegħi. Nibdew ngħidulhom le. Ma nagħtuhomx id-dejta personali tagħna. L-Awtorità tal-Konsumatur imessha ilha li stenbħet u ħadet azzjoni dwar dan kollu.
X’inhu r-riskju?
Ir-riskju hu – kif għedna – is-serq tad-dejta personali. X’garanzija għandu l-konsumatur li d-dejta tiegħu mhix se tinsteraq mid-database tal-kumpanija? Jgħidulek li hemm sigurtà biżżejjed u l-bqija biex isserraħ rasek. Aħna fejn nafu li dan hu l-każ?
Aktar u aktar meta ħafna negozji qed jimpjegaw barranin minn barra l-Unjoni Ewropea li jiġu u jmorru qishom għasafar tal-passa. Biċċa kbira minn dal-ħaddiema joqogħdu Malta għal żmien qasir u mbagħad jew jitilqu lejn pajjiż ieħor fl-Ewropa jew inkella jmorru lura pajjiżhom. X’garanzija għandna li ma jisirqux id-dejta personali?
Però d-diskors jgħodd ukoll għall-Maltin u għall-ħaddiema mill-pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea. X’garanzija għandna li ma jaqgħux għat-tentazzjoni li jisirqu d-dejta u jagħmel festa minnha? Każ wieħed ukoll ikun aktar minn biżżejjed. Fejn huma l-awtoritajiet responsabbli mill-affarijiet tal-konsumatur u mill-komunikazzjoni?
Għaliex qed jitħalla Wild West sħiħ, biex ma ngħidx ġungla sħiħa, fejn min jiflaħ, iħawwel qisu xejn mhu xejn? Il-konsumatur jeħtieġ il-protezzjoni tal-Istat kontra s-saħħa ta’ min għandu l-mezzi.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 20 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>