minn Charles Buttigieg
Naħseb wieħed mill-aħjar modi ta’ kif wieħed jista’ jsellem b’mod xieraq lil Mons. Arċisqof Emeritu Pawl Cremona O.P., li għadda għall-ħajja ta’ dejjem fi tmiem il-jum tat-Tlieta li għadda, huwa billi wieħed ifakkar ftit minn dak li kien jgħallem bħala saċerdot li kellu għożża kbira għall-familja.
Jien għadni niftakar, b’mod partikolari, dak li Mons. Cremona kellu x’jaqsam ma’ dawk li ħadu sehem f’seminar dwar Ix-Xogħol u l-Familja li sar fl-24 ta’ Frar 2009, b’inizjattiva tal-Kummissjoni tal-Arċidjoċesi għall-Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol.
Il-punt tat-tluq ta’ Mons. Cremona f’dik l-okkażjoni dwar ix-xogħol u l-familja, suġġett li llum qed nifhmu dejjem aktar kemm imissna nirriflettu aktar fil-fond dwaru, kien riflessjoni spiritwali marbuta mal-fatt li, fil-Ktieb tal-Ġenesi, hemm żewġ affarijiet importanti: Alla qal lill-ewwel raġel u mara biex isiru ġisem wieħed u jimmultiplikaw, u hemm miktub li Alla ħalaq il-bniedem għaliex kien hemm l-art u ħadd ma kien jista’ jaħdimha.
“Jiġifieri fil-Ġenesi,” qal Mons. Cremona, “hemm miktub diġà li l-familja u x-xogħol huma dawk li Alla l-Imbierek, bħala l-Ħallieq, bena r-realtà fuqhom.”
Filwaqt li semma li “qegħdin naraw li aħna fridnihom dawn l-affarijiet,” Mons. Cremona qal li minħabba f’hekk, “qegħdin nerġgħu mmorru għall-isfida: Kristjanament nieħduha mill-Ktieb tal-Ġenesi, imma soċjalment u soċjoloġikament nieħduha mill-istudji li jsiru. L-isfida l-kbira hija li l-familja u x-xogħol, li konna fridna, hemm bżonn li nerġgħu nagħtuhom parti ċentrali fis-soċjetà minn naħa waħda, u minn naħa oħra li naraw li ma jitfixklux ma’ xulxin.”
Fil-Ktieb tal-Ġenesi nsibu li, wara d-dnub, l-irwoli soċjali li kien hemm kienu li, fil-każ tal-mara kien hemm it-tbatija fit-tqala tagħha, waqt li fil-kontest tar-raġel, li allura r-rwol soċjali tiegħu dak iż-żmien kien li jaqla’ l-flus, ikollu t-tbatija propju hemm.
L-istabbilità tal-familja
Filwaqt li esprima t-tama li r-riflessjoni-preokkupazzjoni importanti dwar is-suġġett tax-xogħol u l-familja tiġi dibattuta mhux biss fi ħdan il-Knisja, imma wkoll fil-wesgħa aktar wiesgħa tas-soċjetà Maltija, u nsista ħafna “li ma nistgħux inħallu l-Knisja weħidha,” Mons. Cremona Cremona qal li l-ewwel punt irid ikun li meta “nagħmlu liġijiet bħal fuq ix-xogħol, irridu nħarsu lejn il-familja u naraw li dawn jittrattaw il-bniedem sħiħ u l-familja sħiħa.”
Mons. Cremona semma mbagħad il-kura tat-tfal u li l-koppja tibqa’ flimkien u tkun stabbli. Hu enfasizza li l-ikbar don li nistgħu nagħtu lit-tfal mhux li naħsbu fihom, imma li naħsbu fuq il-familja li se trabbihom fl-istabbilità u wkoll għax huwa minn hemmhekk li ħafna weġgħat jew ferħat ikunu jistgħu jgħaddu fis-soċjetà.
Mons. Cremona kompla hekk: “Din l-isfida, fejn minn naħa waħda għandek ix-xogħol, li għandu valur ekonomiku li jidher, u minn naħa oħra għandek il-familja, x’aktarx li se tkun ħafna aktar tqila biex aħna niddefendu l-familja fil-kuntest tax-xogħol. Jekk taraw il-gazzetti, fuq ix-xogħol naqraw kemm irridu, imma rari naqraw fuq l-istabbiltà tal-familja fil-kuntest ta’ dan kollu. Dan juri li rridu nibdew niktbu aktar.
“Din hija sfida aktar kbira għax mhux kulħadd se jifhimna. Ara x-xogħol, li bih taqla’ l-flus, dak kulħadd jifhmu. Irridu nwasslu l-messaġġ li l-familja – anki ekonomikament qed ngħidu – meta tkun stabbli tkun qed tgħin l-ekonomija. Irridu nbiegħuh dan il-messaġġ.”
Ir-rwol tal-koppji
Mons. Cremona tkellem ukoll dwar ir-rwoli tal-koppja. Hu semma li, fis-soċjetà ta’ qabel kien hemm żewġ jobs: xi ħadd li jmur jaħdem u xi ħadd li jieħu ħsieb il-familja. “Illum,” qal, “hemm tliet jobs: jiġifieri l-koppja għandhom t-tnejn ix-xogħol tagħhom, u mbagħad iridu jaqsmu t-tielet wieħed fil-familja. Allura dan ifisser li fadlilhom inqas ħin għall-affarijiet fejn tkun tista’ toqgħod ma’ min tħobb, toqgħod mat-tfal tiegħek. Dan għaliex anki l-ħin qiegħed jonqos. Lill-koppji jiena ngħidilhom li ma jistgħux ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ xulxin u mat-tfal iħalluhom għal dak li jkun baqa’ (left-overs). Ma tistax tagħti lill-familja dak li jkun baqa’: trid tidħol mill-ewwel fil-pjanifikazzjoni ta’ dik li hija r-realtà ġdida ta’ llum.”
Rigward il-valuri li qegħdin jingħataw, anki permezz tad-dinja konsumeristika, dwar il-familja, Mons. Cremona qal li hemm żewġ realtajiet. Waħda minnhom hija li qabel konna ngħidu ‘naħdem biex ngħix’ u mbagħad, bil-mod il-mod, ‘ngħix biex naħdem’. Hu wera l-ħsieb li forsi għandu jiżdied it-tielet: ‘naħdem biex ikolli x’nonfoq’. “Allura,” kompla jgħid, “anki fuq dan hemm x’isir. Pereżempju fi ħdan il-Caritas qed jinbena grupp biex nippruvaw nagħtu l-messaġġ dwar dak li huwa maniġment tal-finanzi fil-familja, għax anki dan jgħin.”
Il-kontribut tal-mara fil-familja
Riflessjoni oħra ta’ Mons. Cremona kienet dwar is-sehem tal-mara fil-familja, punt li dwaru, fis-seminar, issemma li n-numru tan-nisa Maltin li jaħdmu dak iż-żmien kien ta’ 37 fil-mija, jiġifieri 63 fil-mija ddeċidew li jibqgħu d-dar.
“Ma nistgħux, jekk qed nitkellmu fuq familja u xogħol, u r-relazzjonijiet bejniethom, ma niftakrux f’dawn it-63 fil-mija – qishom ma jeżistux,” qal Mons. Cremona.
“Allura rridu ngħidu: l-għażla li qed issir, li hija għażla libera u jien ma nindaħalx fiha, vera qed tkun libera meta ħadd mhu qed jaħseb f’persuna li l-ewwel kellha forsi karriera, xogħol li b’sagrifiċċju kbir kellha tħallieh għax hekk iddeċidiet? Imma allura m’għandniex nagħrfu li anki dak huwa kontribut li qed tagħti dik il-mara? Jiġifieri jekk inti tibqa’ tieħu ħsieb il-familja, inti mhu se jkollok ebda remunerazzjoni; jekk inti sejra taħdem, se jkollok dawk il-flus. Inpoġġuha bħala mistoqsija. Din kien qalha l-Papa Ġwanni Pawlu II: forsi nirriflettu fuqha.”
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 20 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>