Iċ-ċiklist Malti Etienne Bonello kellu prestazzjoni b’saħħitha fir-4 stadju tal-Absa Cape Epic, u għamel avvanz sinifikanti fil-klassifika.
B’temperaturi aktar friski u xita lejn l-aħħar tal-istadju, Bonello approfitta mill-ewwel 20km ċatti biex jagħti spinta qawwija, wara li beda lejn l-aħħar tal-grupp. L-istrateġija aggressiva tiegħu ratu jegħleb ħafna ċiklisti oħra, bil-għan li jpoġġi ruħu f’pożizzjoni aħjar f’każ ta’ xi problemi mekkaniċi.
“It-tlajja kienu twal iżda mhux wieqfa iż-żejjed, li ppermettili nimxi b’ritmu kontrollat mingħajr ma nitkisser,” qal Bonello. “Iktar ma avvanzajt ‘il quddiem, iktar żdiedu ċ-ċansijiet tiegħi li nindirizza kwalunkwe problema li setgħet tinqala’.”
Ir-raba’ stadju kien jum ferm aħjar għaċ-ċiklist Malti, li wera sforz kostanti u b’saħħtu li ppreparah għall-isfidi li ġejjin. Issa jittama li jkun jista’ jibda f’pożizzjoni aħjar fil-ħames stadju li huwa mgħaruf bħala l-“Queen Stage.”
L-istadju ta’ għada, imlaqqam “Killer Queen”, se jkun wieħed deċiżiv, b’perkors ta’ 98km u 2,850 metru ta’ tlajja. Bħala l-itwal stadju point-to-point ta’ din l-edizzjoni, l-atleti ser ikollhom prova estrema, bi tlajja bla waqfien u terren varjat imfassla għal sewqan aggressiv. Bl-istennija ta’ xita, din il-parti tal-kompetizzjoni mistennija tkun prova reżistenza, u eżekuzzjoni tattika.
Il-parteċipazzjoni ta’ Bonello fl-Absa Cape Epic saret possibbli grazzi għas-sostenn ta’ Meerendal Wine Estate, Kalamba Games, Garmin, BBB Cycling, The Sports Medics, Go&Fun, Visit Malta, u Wurth. Il-vjaġġ qed jiġi appoġġjat ukoll mill-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta, bil-kollaborazzjoni tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.
//= $special ?>