Lokali Qorti

Tammetti li attakkat lit-tfajla l-ġdida tal-eks għarus tagħha f’Jum San Patrizju

San Patrizju - San Ġiljan (Ritratt mill-arkivji)

Żagħżugħa nhar l-Erbgħa wieġbet ħatja li weġġgħet gravi lis-sieħba tal-ek għarus tagħha fi ġlieda li seħħet f’Paceville f’Jum San Patrizju. Iż-żagħżugħa ta’ 18-il sena dehret quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit jumejn wara li seħħet il-ġlieda fl-istabbiliment Shadows, li huwa klabb li jinsab Paceville.

L-Ispettur Jonathan Cassar qal lill-Qorti kif nhar it-Tlieta, mara żagħżugħa marret l-għassa biex tirrapporta ġlieda li kienet involuta fiha l-lejl ta’ qabel. Hija qalet lill-Pulizija li l-ġlieda nbdiet minn tfajla li hi ma kinitx taf, li kienet infurmata li kienet l-eks sieħba tal-għarus tagħha.

Il-Pulizija kkuntattjaw lir-raġel għad-dettalji tal-akkużata, u wara ġie msejjaħ biex imur l-għassa. Hemmhekk, l-akkużata qalet li hi wkoll weġġgħet waqt il-ġlieda. Il-Pulizija għalhekk eskortatha l-Isptar Mater Dei.

L-akkużata dehret il-Qorti b’id minnhom marbuta u nfaxxata wieġbet ħatja. L-Avukat Matthew Xuereb, li deher għall-akkużata, irrimarka kif hi wkoll kienet vittma fil-ġlieda u weġġgħet. Huwa talab rapport ta’ qabel is-sentenza.

It-tfajla ngħatat il-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000 u ġiet ordnata tiffirma l-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa kuljum. Ġiet ordnata wkoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma. Is-sentenza għandha tingħata fil-futur qarib.

Fuq talba mill-avukat difensur, il-Qorti ordnat projbizzjoni fuq l-ismijiet tal-akkużata u tal-vittma.

L-Ispetturi tal-Pulizija Jonathan Cassar u Nico Zarb mexxew il-prosekuzzjoni flimkien mal-avukat fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Tilden Tabone.