Lokali Qorti

20 xahar ħabs għal żagħżugħ b’ħajja mill-iktar torbolenti

Żagħżugħ ta’ 17-il sena, residenti l-Mosta, li beda jieħu d-droga sa minn età tenera ta’ disgħa snin, ġie kkundannat 20 xahar ħabs wara li ammetta diversi reati. Fosthom li f’Novembru li għadda wettaq serq ta’ pjanċi ta’ karozza, li għamel ħsara fuqha, li ftiehem ma’ persuna oħra biex iwettaq reat u li kkaġuna biża’ fuq l-eks sieħba tiegħu u fuq ommha.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Abigail Critien, ikkunsidrat diversi fatturi meta ġiet biex tagħti s-sentenza fejn kien qed jiġi akkużat bi 15-il akkuża u li ta’ età tenera kiser difrejh mal-liġi. Ġie kkunsidrat l-aspett soċjali tiegħu, li minnu jirriżulta li kellu tfulija torbolenti minħabba s-sitwazzjoni fil-familja tiegħu.

Din inkludiet in-nuqqas ta’ preżenza ta’ figura paterna minħabba l-kundizzjoni mentali ta’ missieru fejn l-imputat jistqarr li “ma jinteressahx u li qatt ma kellu kuntatt miegħu.” Ommu wkoll kienet dipendenti fuq id-droga.

Il-każ ta’ dan iż-żagħżugħ huwa xi ħaġa xokkanti għax mhux biss beda’ l-vizzju tad-droga mill-età tenera ta’ 9 snin meta beda jikkonsma l-kannabis, iżda li fl-età ta’ bejn 10 u 11-il sena beda jikkonsma
l-kokaina.

Il-Probation Officer tiegħu semma’ fil-Qorti kif kien ingħata l-opportunità li jattendi programm residenzjali f’Tal-Ibwar (Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti fis-Siġġiewi, immexxi mill-Caritas) sabiex jindirizza din il-problema, iżda temmu wara li telaq mingħajr avviż u permess.

F’dan l-istadju l-Probation Officer issemmi d-diffikultà sabiex l-imputat jerġa’ jibda dan il-programm peress li każ minn dawk li fetaħ riċentement jinvolvi resident ieħor ġewwa Tal-Ibwar li hemm ordni ta’
protezzjoni in vigore fir-rigward tiegħu, u li sakemm il-każ inkwistjoni għadu pendenti u l-allegat vittma għadu jirrisjedi ġewwa Tal-Ibwar, mhuwiex possibbli li l-imputat ikun aċċettat lura fl-istess residenza.

Għalkemm għandu jingħad li kienet qed tkun esplorata l-possibbiltà li jattendi l-“Prison Inmates Programme”. L-aspett kriminoġeniku tal-imputat, li minn kif spjegat fir-rapport u dak imsemmi aktar ‘il fuq, hija sitwazzjoni preokkupanti ferm li jinsab fiha l-imputat, partikolarment għaliex dawn ix-xejriet kriminoġeniċi, kif ukoll il-vizzju tad-droga.

It-tnejn bdew mit-tfulija, u li minkejja s-sistema ta’ sapport li qed jirċievi minn diversi entitajiet, l-imputat jibqa’ jippersisti b’dan l-istil ta’ ħajja, anke ġewwa l-ħabs fejn akkumula mal-157 rapport fil-konfront tiegħu, u fetaħ tliet każijiet ġodda.

In oltre, il-portata tal-imputazzjonijiet li l-imputat irreġistra l-ammissjoni tiegħu għalihom, huwa fl-isfond ta’ dan kollu li l-Probation Officer tasal għall-konklużjoni li l-imputat mhuwiex persuna affidabbli, minkejja l-għajnuna kollha li għandu disponibbli għalih.

Fil-fatt issemmi kif “jekk l-imputat mhux ħa jieħu responsabbiltaà tal-aġir tiegħu u jaħdem bis-serjetà fuq il-problemi tiegħu, huwa jibqa’ ta’ riskju għoli għas-soċjetà” u li kien għalhekk li l-istess Probation Officer irrakkomanda piena karċerarja.

Il-Qorti qalet li flimkien ma’ dan kollu tagħmel aċċenn għall-bżonn li l-imputat jagħmel sforz da parti tiegħu u jkun megħjun f’dan ir-rigward sabiex jirrikonoxxi li għandu problema serja u li hemm min jixtieq jgħinu, hemm min iħobbu. speċjalment ommu, li minkejja li huwa minnu li l-vizzju tad-droga li kellha kien wieħed mill-fatturi li ġibduh lejn il-ħajja kriminoġenika, hija fi kliemu, id-dinja tiegħu.

Għalhekk hemm bżonn ukoll li jsir kull sforz possibbli mal-imputat għal dan l-iskop qabel ma jkun tard wisq, u dan stante li fis-7 ta’ Awwissu 2025, l-imputat ser jagħlaq 18-il sena, bl-implikazzjonijiet kollha li se ġġib magħha, partikolarment it-tmiem tal-Ordni tal-Ħarsien li qed jibbenefika minnha l-imputat.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll akkużi talli permezz ta’ network jew apparat ta’ komunikazzjoni elettronika hedded li jagħmel reat u li għamel użu mhux xieraq bih. Li rrenda ruħu reċediv wara li kien misjub ħati ta’ diversi sentenzi.

Kien jisraq biex ommu jkollha l-flus għad-droga

Kif ukoll li naqas milli jħares xi waħda jew iżjed minn waħda mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu minn diversi Maġistrati billi kkommetta reati ta’ natura volontarja. Minn naħa tiegħu l-ħati qal meta mitkellem mill-Probation Officer sostna li għandu dispjaċir ta’ dak li għamel għax ma riedx jiksirha minn mal-eks-sieħba tiegħu.

Rigward omm it-tfajla tiegħu, jgħid li dejjem ġabitlu rispett u ma messux għamel dak li għamel quddiem ir-residenza tagħha, u jgħid ukoll li xtaq jiskuża ruħu mat-tfajla tiegħu ta’ dak kollu li għamlilha peress li jħobbha u qatt ma ħabb tfajla daqsha.

Qal ukoll li kien iħossu imweġġa’ li ommu kienet tabbuża mid-droga minħabba li ma setgħetx tkun preżenti fil-ħajja tiegħu, kienet waħda mill-fatturi li ressqitu lejn stil ta’ ħajja kriminoġenika, tant li
“wasal biex jisraq sabiex ommu jkollha l-flus għad-droga u sussegwentement sabiex huwa jkollu l-flus għalih.

Rigward ta’ ħutu, l-imputat jgħid li m’għandux relazzjoni viċina magħhom għajr li jaf li għandhom l-istess missier. Il-Probation Officer issemmi wkoll li l-imputat ilu b’Ordni ta’ Ħarsien peress li l-familja tiegħu instabet li mhux adegwata biex tieħu ħsiebu, u l-interventi tas-Social Workers Stephanie Galea u
Bernard Borg, b’uħud minnhom ikunu ta’ emerġenza sabiex jassistu lill-imputat, jagħtuh l-għajnuna u s-sostenn.

Il-Probation Officer tagħmel referenza għal dak li stqarret magħha omm l-imputat Shirley Abela, li
ssostni l-importanza li jaħdem fuqu nnifsu u li meta joħroġ mill-Ħabs, jaqta’ l-kumpanija ħażina li kien jagħmilha magħha, u hekk jitgħallem ir-rispett, l-imħabba, l-onestà komunikazzjoni u konsistenza.

Minbarra l-piena ta’ ħabs, il-Qorti qalet li jrid ikun konfiskat l-ammont ta’ €1,000 mill-garanzija fid-digriet maħruġ mill-Maġistrat Lara Lanfranco, l-ammont ta’ €1,000 mill-garanzija fid-digriet maħruġ mill-Qorti kif preseduta fi proċeduri separati, u l-ammont ta’ €3,000 mill-garanzija fid-digriet maħruġ mill-Maġistrat Claire-Louise Stafrace Zammit, liema somom għandhom jgħaddu favur il-Gvern ta’ Malta.

Il-Qorti qalet ukoll li qiegħda tilqa’ t-talba tal-Prosekuzzjoni u tordna l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trażżin fil konfront tal-imputat favur il-partijiet leżi, u ċioè l-eks sieħba tiegħu u ommha. U b’żieda mal-piena
mogħtija, qiegħda tikkundannah ħlas tad-danni fl-ammont ta’ €900 fi żmien massimu ta’ sentejn.

Minħabba l-fatt li l-ħati hu minorenni u mid-dokumentazzjoni esebita ma jirriżultax li għandu impjieg, il-Qorti ordnat li tali danni għandhom jitħallsu bin-nifs.