Il-ħames stadju tal-Absa Cape Epic 2025, magħruf bħala l-Killer Queen, wera li huwa prova bla waqfien ta’ rieda, reżiljenza u determinazzjoni. Etienne Bonello qatta’ kważi tmien siegħat fuq ir-rota taħt xita kontinwa, temperaturi baxxi u rotta difficli.
Mill-bidu nett tat-tellieqa, il-bard kawza ta’ xita kontinwa mminimizzat il-prestazzjoni ta’ ħafna u ġagħlithom jimxu b’pass aktar bil-mod. Ir-rotta kienet waħda bla ħniena, b’telgħat kontinwi u nżul tekniku, aggravati mill-kundizzjonijiet tal-ħamrija mxarrba u tajn.
L-aħħar telgħa kienet waħda iebsa minħabba li kienet mimlija tajn. Fil-fatt, Bonello u ħafna ċiklisti oħra kellhom jinzlu min fuq ir-rota u jimbuttawha għal xi 2 kilometri ta’ telgħa wieqfa. Sħab baxx fisser viżibilità limitata, u kien importanti ħafna li wieħed joqgħod attent biex ma jagħmilx ħsara lir-rota.
Għada s-Sibt, Bonello jkompli s-6 stadju. Minkejja li l-linja finali qed tibda tidher fil-bogħod l-isfida għadha ma spiċċatx.
Ir-rotta se tgħaddi mill-għoljiet tal-muntanja Helderberg u l-għelieqi madwarha. Il-mogħdijiet jinqasmu f’iktar minn 21 tip ta’ ħamrija – mill-tafal aħmar fond sal-ġebel ċatt – test finali għal saqajn li ilhom jissieltu mal-kundizzjonijet iebsin.
“Ovvjament issa nixtieq inkompli sal-aħħar, iżda f’dawn l-aħħar jumejn kollox jista’ jiġri – irrid nibqa attent il-ħin kollu, għax f’sekonda jista jinbidel kollox”. qal Bonello. “Il-linja finali tinsab iktar fil-qrib, iżda l-vjaġġ għadu wieħed intensiv. Il-pjan hu li nibqa’ iffukat u għajnejja dejjem fuq ir-rotta.”
Il-parteċipazzjoni ta’ Bonello fil-Absa Cape Epic qed issir possibbli bl-għajnuna ta’ Meerendal Wine Estate, Kalamba Games, Garmin, BBB Cycling, The Sports Medics, Go&Fun, Visit Malta, u Würth. Huwa wkoll qed jingħata għajnuna siewja mill-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta, bl-appoġġ tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.
//= $special ?>