Waqt intervista ma’ Andrew Azzopardi fuq l-RTK, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola spjegat kif l-investiment fis-sigurtà li qed jiġi propost mill-Unjoni Ewropea jista’ jintuża biex jiżdied l-investiment fit-trasport, fl-infrastruttura, fis-saħħa u fl-edukazzjoni f’Malta.
Mistoqsija mill-preżentatur tispjega kif se jaħdem il-programm ta’ €850 biljun, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista spjegat li numru ta’ pajjiżi diġà bdew jippjanaw kif se jagħmlu użu minn dawn il-fondi biex jinvestu, pereżempju, fl-infrastruttura. Hi spjegat kif Malta tista’ tagħmel użu minn dawn il-fondi.
“Jekk inti tonfoq investiment, jista’ jkun li aħna ninvestu fil-MITA, ninvestu fl-Ajruport, fil-Port il-Kbir. Jiġifieri llum qegħdin naraw x’qed isir fil-Baħar l-Aħmar. Li kieku ma jkollniex is-sigurtà fil-Port il-Kbir, minjaf kieku x’jiġri.”
Roberta Metsola appellat lill-Gvern ta’ Robert Abela biex ma jibqax jopponi dan it-tip ta’ investiment.
“Jekk jien nixtieq ngħin, u lis-suldati tiegħi ma narmihomx. U ma ngħidilhomx ‘jiena Commander-in-Chief, jiena ġejt naqa’ u nqum minnek. Mort is-Super One jew il-Ħadd fil-Każin tal-Labour u ngħid li jien m’jien se nonfoq xejn għax Roberta Metsola qaltilna l-oppost. Jekk jiena nixtieq ninvesti fis-sigurtà tal-poplu tiegħi, jiena nagħmel hekk. Imbagħad ma tiskattax ir-regola tad-defiċit. Jiġifieri tista’ tonfoq iżjed fuq l-edukazzjoni, fuq is-saħħa, fuq it-trasport, fuq flotta ġdida għal Għawdex. Dak kollu jkun possibbli.”
Fl-intervista, Roberta Metsola ddiskutiet ukoll il-bidliet fil-pożizzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela dwar in-newtralità ta’ Malta.
Dan apparti li tkellmet ukoll fuq il-ħidma tagħha fil-Partit Nazzjonalista, u kif hi ser tkun ta’ spalla sabiex il-PN iġib il-bidla li l-pajjiż tant għandu bżonn.