Il-bniedem dejjem kien fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.
Sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Graziella Galea.
Dejjem kienet il-politika tal-PN li kull persuna jkollha l-aqwa opportunitajiet li jwassluha biex tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha partikolarment fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fid-dinja tax-xogħol.
“Intejbu s-Sistemi ta’ Sostenn Tagħna” hi t-tema magħżula għal din is-sena biex jiġi mfakkar il-Jum Dinji tad-Down Syndrome li jitfakkar fil-21 ta’ Marzu.
F’dinja li kulma jmur qed tavvanza b’mod mgħaġġel ħafna fit-teknoloġija, illum aktar minn qatt qabel għandna riżorsi li sa ftit ilu ma kellniex.
Dan ifisser li r-riżorsi qegħdin hemm. M’għandniex skużi għaliex persuni bi bżonnijiet differenti m’għandhomx ikollhom opportunitajiet akbar biex jilħqu l-massimu tal-abbiltajiet tagħhom.
Bħala soċjetà rridu naraw li dan niftakruh kuljum, imma llum b’mod partikolari jitqajjem iktar għarfien u iktar kuxjenza dwar id-drittijiet u d-dinjità li għandha tingħata lil kull persuna, b’mod partikolari lil dawk il-persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-Down Syndrome.
It-tema magħżula għal din is-sena titlob sostenn aħjar għal persuni bid-Down Syndrome. Kull bniedem għandu dritt għal sostenn xieraq mis-soċjetà. Dan id-dritt jgħin biex drittjiet oħra jintlaħqu. Kull persuna teħtieġ appoġġ differenti, però rridu nkunu ċerti li kull persuna tingħata s-sostenn skont il-bżonnijiet tagħha sabiex jingħataw għażla, kontroll u dinjità lill-persuna. Il-qraba wkoll għandhom bżonn is-sostenn.
Għad hawn wisq persuni bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome li mhux qed jingħataw is-sostenn li għandhom bżonn u għad għandna sistemi li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà. Għad hawn wisq esklużjoni soċjali għal faxex sħaħ tas-soċjetà tagħha, inkluż il-persuni b’diżabbiltà.
Il-Gvern għandu r-riżorsi biex itejjeb is-sistemi ta’ sostenn ta’ dawn in-nies biex kulħadd ikun inkluż fil-komunità.
Irridu naraw li ntejbu l-inklużività billi nżidu l-opportunitajiet u nnaqqsu l-ostakli għal kull individwu, b’mod partikolari għal dawk li għandhom iktar sfidi biex jilħqu l-għanijiet tagħhom.
Ħadd m’għandu jħossu eskluż. Flimkien irridu naħdmu biex inbiddlu d-dinja għal waħda aħjar għal kulħadd. Irridu nħarsu lejn id-diversità bħala mezz fejn kull tifel u kull tifla, u kull adult, irrispettivament mill-età tiegħu jew tagħha, ikollu l-opportunità li jilħaq il-potenzjal sħiħ.
Il-Partit Nazzjonalista japprezza l-ħidma kbira ta’ dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jagħtu l-kontribut tagħhom għall-aħjar integrazzjoni fis-soċjetà u jirringrazzjahom ta’ din il-ħidma. Il-ġenituri, il-qraba, l-edukaturi, il-professjonisti, l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome, u għaqdiet oħra li jaħdmu ma’ dawn il-persuni u li jitħabtu għad-drittjiet ta’ dawn in-nies, jistħoqqilhom kull appoġġ.
It-tema ghal din is-sena hija sfida fiha nfisha. Hi sfida għalina lkoll biex niżguraw li d-drittijiet kollha possibli jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Hu dmir tagħna li ntejbu s-sistemi ta’ sostenn. F’dan is-sens il-Partit Nazzjonalista jimpenja ruħu biex kull persuna f’pajjiżna jkollha l-aqwa sostenn possibli, biex ħadd ma jibqa’ lura.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li rridu naħdmu id f’id ħalli nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome. Ejjew inkunu l-vuċi ta’ dawk li mhux dejjem jinstemgħu biex kulħadd iħossu ħolqa importanti tas-soċjetà tagħna.
//= $special ?>