Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ erba’ snin ħabs fil-konfront ta’ raġel ta’ 51 sena residenti Ta’ Ġiorni wara li nstab ħati li ffroda diversi kumpaniji. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li minn dak li semgħet m’għandhiex tiddisturba s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati li kienet korretta fl-intier tagħha.
Andy Zammit instab ħati li wettaq dan il-frodi f’Awwissu u Settembru tal-2009. Mill-provi li tressqu fil-Qorti rriżulta li l-akkużat kien involut fi grupp ma’ erba’ rġiel oħra fi pjan biex diversi kumpaniji jispiċċaw vittmi.
Il-pjan beda billi nsteraq ktieb taċ-ċekkijiet u bdew jiġu ordnati diversi oġġetti minn kumpaniji diversi. Il-kumpaniji kienu jintalbu jittrasportaw l-oġġetti lejn indirizz imma d-deliverymen kienu jsibu persuna li tgħidilhom li se ċċempel lill-imgħallem.
Ħafna mid-deliverymen iddeskrivew lil din il-persuna bħala “tifel”. Id-deliverymen kienu jiġu infurmati li l-imgħallem kien se jdum u jintalbu jħallu l-oġġetti fuq il-bankina. Huma kienu jingħataw ċekk b’numru ta’ karta ta’ identità u mobile phone.
Meta l-kumpaniji kienu jmorru jsarrfu ċ-ċekkijiet kienu jsibu li dawn ma setgħux jissarrfu u li ċ-ċekk kien misruq. B’kollox ġew iffrodati 12-il kumpanija bis-somma ffrodata tammonta għal madwar €28,534. Fis-sentenza preċedenti l-Maġistrat Kevan Azzopardi sab lil Zammit ħati tal-involviment f’dan il-frodi li ddeskrivih “maħdum b’mod professjonali”.
Huwa qal li jinsab konvint li kien involut mal-erba’ persuni oħra biex sar dan il-frodi. Fl-istess waqt, ma sabux ħati li seraq il-ktieb taċ-ċekkijiet użat fil-frodi għax qal li din l-akkuża ma ġietx pruvata. Dak li għamel l-imputat jimmerita li jiġi indirizzat b’mod iebes għaliex gidem diversi persuni li kienu qegħdin jippruvaw jaqilgħu l-għajxien tagħhom b’mod onest u bl-għaraq ta’ ġbinhom.
Is-sanzjoni applikabbli għalhekk jeħtieġ li tkun waħda ċara u li tibgħat messaġġ ċar. L-Imħallef Scerri Herrera marret oltrè u qalet li ħadet inkonsiderazzjoni n-natura tar-reati fil-konfront tal-imputat li gew sodifaċentement pruvati u n-natura serja tagħhom.
Ikkunsidrat ukoll il-fatt li l-fedina penali tal-imputat li mhijiex wahda nadifa, l-ammont ta’ flus frodati u l-fatt li l-vittmi qatt ma ngħatawlhom lura u n-nuqqas ta’ koperazzjoni da parte tal-imputat mal-Pulizija. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-fatt li bil-piena inflitta mill-Ewwel Qorti l-imputat se jaffaċċja ħabs effettiv, ma
jfissirx li awtomatikament dik il-piena hija waħda eċċessiva.
Huwa minnu li idealment ebda bniedem ma jiġi ipprivat mil-liberta’ personali tiegħu stante li dan huwa dritt fondamentali tal-bniedem, iżda daqstant ieħor is-soċjeta’ inġenerali m’għandix tkun soġġetta għal aġir simili li wettaq Zammit.
Illi fatt waħdu li l-proċeduri bdew fis-sena 2010 u qegħdin jiġu konklużi fil-preżent m’għandux iwassal għal mitigazzjoni fil-piena. L-imputat wettaq reati li għalihom irid iwieġeb il-konsegwenzi tagħhom. L-Imħallef Scerri Herrera qalet li l-Qorti rat li l-piena inflitta mill-ewwel Qorti taqa’ fil-parametri tal-Liġi u ma hemm l-ebda raġuni għaliex għandha tiddipartixxi mill-ġudizzju tal-ewwel Qorti u għalhekk l-appell qiegħed jiġi miċħud.