Lokali Qorti

Erba’ snin u nofs ħabs wara li nganna persuna fuq żewġ garaxxijiet

Raġel ta’ 50 sena, residenti Birkirkara ġie kkundannat erba’ snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li nganna persuna u wettaq frodi u ffalsifika att awtentiku, f’dan il-każ dokument tal-Gvern. Huwa nstab ħati li ffalsifika firma u għamel qliegħ b’qerq u li kellu taħt il-kontroll tiegħu oġġett għal użu ta’ twettiq ta’ frodi.

Emanuel Xerri nstab ħati li ffroda persuna fuq żewġ garaxxijiet f’Santa Venera fejn daħħal ukoll fin-nofs lill-Awtorià tad-Djar, li finalment ħareġ li ma kellha l-ebda garaxxijiet f’din il-lokalità. Huwa nstab ħati wkoll li fl-istess żmien, lok, ħin u ċirkostanzi, kellu fil-pussess jew taħt il-kontroll tiegħu xi oġġett għall-użu fit-twettiq f’konnessjoni ma’ xi frodi.

Huwa ġie kundannat talli taparsi qal li jaħdem fl-Awtorità tad-Djar u ffroda raġel ta’ madwar €60,000 meta wiegħed li se jgħinu biex jixtri żewġ garaxxijiet f’Santa Venera. Il-Maġistrat Leonard Caruana sab lil Emanuel Xerri, minn Birkirkara, ħati li ffroda lir-raġel fi Frar 2022 u qabel u li ffalsifika firem fuq ċekkijiet.

L-Ispettur Christian Abela, flimkien mal-prosekuturi tal-AĠ Karl Muscat u Godwin Cini, akkużaw lill-bajjad u kaħħal, li għamel qligħ frawdolenti ta’ aktar minn €5,000. L-akkużat kien ikkundannat il-ħabs fil-passat fuq reati simili, qal l-Avukat Muscat, u sostna li l-akkużi kienu gravi, li jinvolvu falsifikazzjoni ta’ dokumenti u firem, frodi u ħasil ta’ flus.

Mill-provi prodotti u minn dak li semgħet il-Qorti jirriżulta li l-Pulizija tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi rċevew kwerela iffirmata mill-Avukat Chris Frendo f’isem ċertu Matthew Calleja. Il-Pulizija ntalbet tinvestiga u tipproċedi kontra l-akkużat Emanuel Xerri inkonnessjoni ma’ diversi reati kriminali, li l-akkużat seta’ wettaqhom waħdu jew flimkien ma’ terzi, li permezz tagħhom dawwar favur tiegħu s-somma ta’ €60,000 ta’ Matthew Calleja.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat, b’ mod qarrieqi u frawdolenti, ikkonvinċa lil Calleja li kien ser jgħinu jakkwista żewġ garaxxijiet mill-Awtorità tad-Djar. Fil-fatt, l-akkużat ippreżentalu sensiela ta’ dokumenti fosthom dikjarazzjonijiet, pjanti u oħrajn li minkejja li dehru li kienu awtentiċi, irriżulta li kienu falsifikati.

Irriżulta ukoll li minn żmien għal żmien l-akkużat kien jitlob lil Calleja jgħaddilu xi flus sabiex jitħallsu diversi kontijiet u spejjeż b’rabta ma’ żewġ garaxxijiet. Sussegwentement meta Calleja nduna b’dan l-aġir frawdolenti huwa kkonfronta lill-akkużat li min-naħa tiegħu wegħdu li kien se jirrifondi l-flus kollha u għal dan il-għan tah żewġ ċekkijiet li kienu maħruġin minn kont bankarju li jgħajjat lil ċerta Clyde Grima.

Peress li Calleja issuspetta ħażin għaliex induna li l-firem ma kenux jaqblu, huwa ma sarrafhomx. Minflok, huwa talab lill-akkużat, li aċċetta, biex issir skrittura privata bejniethom quddiem l-avukat, fejn l-akkużat ikkonferma li l-ftehim li kellhom rigward il-garaxxijiet kien waqa’ u li min-naħa tiegħu Xerri obbliga ruħu li
jrodd lura d-depożitu mħallas.

Xehed Andrew Xuereb, li għandu l-kariga ta’ Senior Officer fis-sezzjoni legali fi ħdan l-Awtorità tad-Djar. Huwa ġie muri d-dokumenti ppreżentati u kkonferma li dawk id-dokumenti fil-fatt ma nħarġux mill-Awtorità tad-Djar. Muri l-pjanta esebita, qal li din tidher impinġija minn xi ħadd u mhux maħruġa mill-Awtorità peress li dawk maħruġa mill-Awtorità jinħarġu bil-kompjuter.

Muri ittra allegatament maħruġa minn persuna fi ħdan l-Awtorità tad-Djar, xehed li min iffirma dak id-dokument kien jaħdem mal-Awtorità iżda l-impjieg ġie terminat ħames snin qabel u fid-data ta’ dik l-ittra, din il-persuna ma kinitx taħdem mal-Awtorità tad-Djar. Huwa kkonferma li l-Awtorità tad-Djar m’għandha ebda garage fi Triq il-Brunżar, Santa Venera.

L-Avukat Chris Frendo xehed li Matthew Calleja u l-akkużat kienu marru l-uffiċċju tiegħu biex jiffirmaw skrittura privata quddiemu. Calleja kien spjegalu li huwa kien għadda xi flus li b’kollox kienu jammontaw għal sittin elf Ewro lill-akkużat, u dan bħala spejjeż relatati ma’ żewġ garaxxijietf f’Santa Venera li Calleja kien ser jakkwista.

Calleja kien qallu wkoll li riedu jagħmlu ftehim peress li t-trasferiment ta’ dawn il-garaxxijiet ma setax isir u allura l-flus kellhom jiġu mħallsa lura lil Calleja. Huwa qal li rriżulta li dawn il-garaxxijiet ma’ kenux proprjetà tal-Lands.

Ix-xhud kompla jgħid li kien evidenti għalih li l-akkużat kien iffroda lil Calleja billi beda jagħtih dokumenti foloz u jagħtih l-impressjoni li seta’ jaqdieh biex jakkwista żewġ garaxxijiet mill-Awtorità tad-Djar meta fil-fatt ma setax. Il-ħlas qatt ma sar minkejja li x-xhud qal li kienu ġew iffissati diversi appuntamenti miegħu iżda l-akkużat qatt ma’ kien jitfaċċa.

Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-akkużat kien jilagħbhom fejn ma’ Media Games Malta, bejn is-7 ta’ Novembru 2017 u s-17 ta’ Jannar 2019 huwa lagħab €16,433.56 u rebaħ biss €14,108 biex globalment tilef is-somma ta’ €2,325.27.

Ma’ Dragonara Casino, jirriżulta li bejn is-17 ta’ Mejju 2018 u t-22 ta’ Frar 2020 huwa tilef mas-€47,000. Fir-rigward tal-ikkalibrar tal-piena, il-Qorti ħadet diversi fatturi inkonsiderazzjoni. Mis-Social Inquiry Report u l-aġġornament tiegħu jirriżulta li l-akkużat kellu background familjari b’saħħtu u mingħajr turbolenzi.

Jirriżulta wkoll, iżda li għandu problema ta’ dipendenza fuq sustanzi noċivi li jidher, iżda, li se jibda programm ta’ riabilitazzjoni. Jirriżulta wkoll li sakemm ġie inkarċerat, huwa kien qed jaħdem u kellu ċerta introjtu.

Jirriżluta wkoll li l-parte civile għad għandu interess li jitħallas u għalkemm huwa diġà tħallas is-somma ta’ €7,000 mill-akkużat, huwa għadu qed jippretendi l-bilanċ dovut lilu u qiegħed ukoll jikkunsidra li jiftaħ proċeduri oħra jekk huwa ma jingħatax lura l-bilanċ dovut.

Il-Qorti tqis, fl-ewwel lok, li s-serjetà tar-reati mwettqa mill-akkużat u t-tul ta’ żmien li damet għaddej dan il-każ jimmerita li l-piena tkun waħda karċerarja effettiva u mhux fil-minimu tagħha, dik ta’ piena karċerarja jew multa ta’ mhux inqas minn €20,000 jew it-tnejn flimkien.

Il-Qorti tqis, madanakollu, li jekk timponi multa fuq l-akkużat ser ikun ferm aktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, li l-akkużat iħallas kemm il-multa kif ukoll jirrifondi lura lill-vittma s-somma ta’ €53,000 rappreżentanti l-bilanċ li għad baqa’.

Il-Qorti kkundannat lil Emanuel Xerri għall-perjodu komplessiv ta’ erba’ snin u nofs priġunerija effettivi. Ordnat ukoll l-konfiska tas-somma €2,000, u d-depożitu ta’ €500 flimkien mas-somma ulterjuri ta’
€1,500 mill-garanzija personali.

Ordnat ukoll l-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-proprjetà mobbli u immobbli kollha tal-imputat dwar dak li daħħal mill-kriminalità. Ordnat ukoll lil Emanuel Xerri jħallas lir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Kriminali s-somma ta’ €1,898.43ċ.

Dawn rappreżentanti spejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra ta’ esperti. Finalment, il-Qorti ordnat komunika ta’ din is-sentenza lid-Direttur tal-Uffiċju għall-Irkupru tal-Assi u lir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Kriminali.