Lokali

AĠĠORNATA: Ġlieda f’Mater Dei bejn żewġ infermieri – mara qed tingħata l-kura

L-allegat aggressur irnexxielu jaħrab, iżda ġie arrestat dalgħodu

Rapporti li waslu għand Net News jindikaw li l-Ħamis filgħaxija, żewġ infermieri barranin spiċċaw fl-idejn meta nqala’ argument jaħraq.

Il-każ seħħ fis-sala M11, u jirriżulta li waħda mill-infermieri tant spiċċat fi stat gravi li kellha tittieħed l-Emerġenza.

Aktar tard, fi stqarrija kien konfermat li l-Pulizija ġiet infurmata mill-awtoritajiet tas-saħħa b’dan il-każ għall-ħabta tas-7:15pm.

Minnufih il-Pulizija marru fil-post fejn f’sala tal-isptar sabu mara ta’ 41 sena mill-Indja, b’xi ġrieħi f’idha, allegatament ikkawżati minn strument li jaqta’ u bil-ponta.

L-infermiera ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi.

L-allegat aggressur, li għandu 36 sena, ġie arrestat aktar kmieni illum.

Stqarrija minn Mater Dei

Ilbieraħ, l-20 ta’ Marzu, fis-18:45 ta’ filgħaxija, seħħ inċident fl-Isptar Mater Dei fejn infermier allegatament attakka infermiera oħra. Minnufih ingħatat assistenza medika immedjata, u l-kundizzjoni tagħha qed tiġi mmonitorjata mill-qrib.

L-Isptar Mater Dei flimkien mal-Pulizija, qed jikkopera bis-sħiħ biex niżguraw investigazzjoni bir-reqqa u trasparenti.

L-Isptar Mater Dei qal illi huwa impenjat bis-sħiħ li jżomm ambjent sigur, ta’ rispett u ta’ sostenn għall-ħaddiema, il-pazjenti u viżitaturi kollha. “Kif mistenni, ma hemm l-ebda tolleranza għall-atti vjolenti, fastidju, abbuż jew imġieba mhux xierqa fi ħdan l-Isptar. Dan l-aġir hu kompletament inaċċettabbli u ma jirriflettix il-valuri li nieħdu b’serjetà kbira f’dan l-Isptar.”

L-Isptar Mater Dei stqarr li qed jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni b’mod xieraq.