Il-Bank of Valletta qed isaħħaħ l-impenn tiegħu għall-innovazzjoni bankarja diġitali u s-servizzi għas-sidien tal-ħwienet u l-bejjiegħa, filwaqt li jiżgura li l-klijenti, inkluż in-negozji jkollhom aċċess għal soluzzjonijiet ta’ pagamenti bla xkiel, siguri u innovattivi.
Waqt li żaru lit-timijiet tal-eBanking, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia, flimkien ma’ Simon Azzopardi, Chief Personal & Wealth Officer; u Chris Degabriele, Kap tal-eBanking; iddiskutew it-trasformazzjoni diġitali li għaddej minnha l-Bank u l-benefiċċji tal-klijenti permezz ta’ soluzzjonijiet aħjar ta’ ħlas. Il-Kap Eżekuttiv irringrazzja personalment lit-timijiet tal-eBanking għall-isforzi tagħhom biex jixprunaw it-trasformazzjoni diġitali tal-Bank.
Hekk kif aktar klijenti qed jagħżlu li jħallsu b’mod diġitali, in-negozji jeħtieġu soluzzjonijiet effiċjenti, affidabbli u siguri biex jissodisfaw l-aspettattivi tal-klijenti tagħhom. Il-BOV qed itejjeb is-servizzi tiegħu għas-sidien tal-ħwienet u għall-bejjiegħa billi joffrilhom l-għażla li jaċċettaw pagamenti aktar avvanzati. Dan waqt li qed itejjeb is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet, u jiżgura li n-negozji jkunu jistgħu jipproċessaw il-pagamenti mingħajr kuntatt – kemm jekk permezz tal-mobile jew online.
Bit-tranżazzjonijiet diġitali qed jiżdiedu, il-BOV qed ikompli jinvesti fis-servizzi għas-sidien tal-ħwienet u l-bejjiegħa bil-għan li n-negozji jkunu jistgħu joperaw bla xkiel u jirnexxu. Permezz tat-tisħieħ tal-funzjoni tal-Card Acceptance, it-tkabbir tal-kapaċitajiet diġitali tiegħu, u t-tisħieħ tat-timijiet ta’ esperti tiegħu, il-Bank qed iwitti t-triq għal futur ta’ pagamenti aktar intelliġenti u effiċjenti.
//= $special ?>