Proġett ta’ din l-importanza ma kellu qatt jispiċċa fl-istat li jinsab; il-PN jeżiġi tweġibiet u serħan il-moħħ għall-investituri
Proġett importanti bħalma hu dak ta’ Ras Ħanżir ma kellu qatt jispiċċa fl-istat li jinsab fih illum. Dan huwa proġett kruċjali għas-settur marittimu, settur li jinsab fil-qalba tal-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista.
Issa li se jerġa’ joħroġ tender ġdid, Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jtenni li dan għandu jsir b’rampa fissa (RoRo berth) biex nassiguraw li jinħoloq moll ġdid li jissodisfa kull tip ta’ xogħol u bżonn – f’kull kundizzjoni tat-temp.
Il-floating dock li qed jipproponi l-Gvern minflok rampa fissa tfisser li nkunu limitati fil-mod kif dan l-ispazju jista’ jintuża. Il-Partit Nazzjonalista u issa wkoll il-Malta Maritime Forum – li hu magħmul minn rappreżentanti tas-settur kollu marittimu – jemmnu li dan il-proġett ikun komplut biss jekk jiġi mgħammar b’dak kollu meħtieġ biex jilqa’ l-opportunitajiet kollha li dan is-settur jista’ joffri.
Dan iwassal ukoll għal aktar sigurtà tal-provvista, iktar flessibbiltà u kompetizzjoni aktar ġusta u effettiva.
Il-Partit Nazzjonalista huwa serjament imħasseb dwar il-mod li bih twaqqaf dan it-tender.
L-istakeholders privati jinvestu miljuni ta’ ewro fis-settur. Huwa xieraq li jkollhom is-serħan il-moħħ li l-Gvern qed jagħmel l-aħjar użu mill-fondi pubbliċi, kif ukoll mill-ispazju limitat fil-Port, sabiex jikkumplimenta u jsaħħaħ l-investiment privat.
Il-Partit Nazzjonalista jeżiġi li l-Gvern ikun trasparenti u jwieġeb b’mod ċar għal diversi punti ta’ tħassib li qed jinħassu mill-istakeholders tas-settur. Jekk it-tender oriġinali li twaqqaf kellu informazzjoni differenti minn dak li nstab fattwalment matul l-eżekuzzjoni tax-xogħol, dan għandu jiġi spjegat. Fl-istess ħin, irridu nkunu nafu jekk sarux l-istudji neċessarji biex ix-xogħol ikun jista’ jiġi evalwat sewwa u jiġu evitati kull tip ta’ intoppi jew sorpriżi.
Barra minn hekk, f’intervista mal-Ministru ntqal li x-xogħol se jkompli. Għaldaqstant, huwa importanti li nkunu nafu jekk dan hux se jitkompla mill-kuntrattur li rebaħ it-tender oriġinali, jew jekk hux se jingħata direct order lil xi kuntrattur ieħor.
Fl-aħħar nett, il-pubbliku għandu jkun infurmat b’mod trasparenti dwar x’tip ta’ xogħol se jsir issa li t-tender kien sospiż, u jekk din il-ħidma hijiex parti mit-tender oriġinali jew le.
Il-poplu Malti jippretendi li l-fondi pubbliċi u l-ispazju fil-Port jintużaw bl-aħjar mod, b’responsabbiltà, u li l-infrastruttura marittima tkun marbuta ma’ viżjoni ċara u sostenibbli għal pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li fit-tender il-ġdid għandha tiżdied ir-rampa fissa li s-settur kollu ilu jitlob għaliha, u li l-Gvern għandu jispjega b’responsabbiltà kif dan il-moll se jintuża.
Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li jibqa’ jisma’ lill-istakeholders, ikun trasparenti f’dak kollu li qed isir, u joffri l-appoġġ kollu meħtieġ għal dak kollu li jsaħħaħ u javvanza s-settur marittimu.
Aħna rridu nkomplu naraw dan is-settur jikber, b’infrastruttura li tikkumplimenta viżjoni marittima serja u sostenibbli għal Malta.
Dan kollu ħareġ fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Ivan Castillo u Joe Giglio.
//= $special ?>