Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara kunsinna kkontrollata tad-droga

Raġel ta’ 33 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li importa l-ħaxixa tal-kannabis. Youri Kai Smit, ċittadin Olandiż li jgħix Tas-Sliema, ġie arrestat wara kunsinna kkontrollata ta’ pakkett FedEx kienet indirizzata lilu.

Il-pakkett suspettuż kien fih madwar tliet kilos ħaxixa tal-kannabis u kien ġibed l-attenzjoni tal-Pulizija, qal l-Ispettur Alfredo Mangion fil-Qorti meta spjega ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest. Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali u l-Pulizija kisbu permess biex iwettqu konsenja kkontrollata tad-droga.

Smit ġie arrestat malli ħa kunsinna tad-droga. Waqt tfittxija fir-residenza tiegħu, il-Pulizija sabu pakkett vojt ippakkjat bl-istess mod li kien ingħata fi Frar. Sabu wkoll ħaxixa tal-kannabis u qratas vojta fil-gwardarobba tar-raġel.

Qudddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, l-avukat difensur Joseph Borda staqsa lill-Ispettur jekk kienx stabbilit jekk l-akkużat kienx jgħix waħdu jew ma’ ħaddieħor. Mangion wieġeb li filwaqt li l-Pulizija kienet sabet borża u handbag żgħir ta’ mara, kien hemm ħwejjeġ tal-irġiel imxerrda madwar l-appartament.

Sabu wkoll il-ftehim ta’ kiri f’isem l-akkużat. Smit kien akkużat li kellu fil-pussess tiegħu l-ħaxix tal-kannabis f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kienx għall-użu personali, kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu sustanzi psikoattivi ġodda u li sar reċidiv.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ħarġet ordni ta’ ffriżar fuq l-assi tar-raġel. Ma saret l-ebda talba għal-libertà proviżorja u Smit inżamm arrestat.

L-avukat tal-AĠ Ylenia-Marie Abela mexxiet il-prosekuzzjoni, flimkien mal-ispettur Alfredo Mangion. Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit u Joseph Borda.