Se jieħu post Charles Bonello li ġimgħa ilu nħatar Segretarju Ġenerali tal-PN
Liam Sciberras kien elett President ġdid tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN).
Huwa nħatar f’din il-kariga waqt laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista li saret illejla u b’hekk se jieħu post Charles Bonello li ġimgħa ilu nħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Liam Sciberras għandu 32 sena u huwa Avukat. Huwa Kunsillier Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija fejn ilu wkoll Minority Leader tal-PN mill-2015. Iservi wkoll bħala President tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN fl-istess lokalità u huwa membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Kien ukoll kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali fuq l-Ewwel u r-Raba’ Distrett Elettorali fl-2017.
Apparti li jipresiedi l-Kullegg Kunsilliera Partit Nazzjonalista, ħidmet il-President, flimkien mal-membri kollha tal-istess Kulleġġ tinvolvi fost l-oħrajn li:
- Jipprovdi forum għall-qsim ta’ esperjenzi bejn il-kunsillieri lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista b’aktar ħidma effettiva għall-ġid tal-komunità li lilha jservu;
- Jipprovdi taħriġ u tagħlim għall-kunsillieri lokali, għall-kandidati prospettivi u għal kull min hu interessat fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali;
- Iżomm kuntatt mal-Kumitati Sezzjonali tal-istess lokalitajiet billi jkunu prezenti fil-laqgħat tal-Kumitati Sezzjonali u anke organizazzjonijiet simili barra minn Malta;
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ lil Liam Sciberras għall-ħatra tiegħu f’din il-kariga u awguralu għall-ħidma li se jkun qed iwettaq f’dan ir-rwol.
//= $special ?>