Futbol Sport

Malta tbaxxi rasha għal telfa minima minkejja prestazzjoni tajba

(Ritratt: MFA)

MALTA ……………,………. 0
FINLANDJA ……………… 1

Malta: H. Bonello, R. Camenzuli (K. Nwoko), K. Shaw, M. Guillaumier, J. Mbong (A. Overend), I. Chouref, T. Teuma, J. Carragher, P. Mbong (B. Tuma), Z. Muscat (M. Beerman), A. Satariano (E. Pepe).
Finlandja: L. Hradecky, R. Ivanov, O. Antman (A. Suhonen), F. Jensen, K. Kairinen, M. Tenho, M. Peltola (R. Lod), N. Alho, J. Uronen (T. Ollila), B. Kallman (Pukki), J. Pohjanpalo (D. Hakans).

Referee: Simone Sozza (Italja)
Imwissija: M. Peltola 26; (F)
Skorja: O. Antman 36′ (F)
Tkeċċa: K. Shaw 79 min

Minkejja prestazzjoni ferm pożittiva Malta kellha tbaxxi rasha għal telfa kontra l-Finlandja fl-ewwel logħba mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.

Id-debutt ta’ De Leo fuq il-bank tat-tim nazzjonali kien wieħed promettenti ħafna iżda sfortunatament ir-riżultat ma wasalx. Ħasra għaliex il-wirja kienet verament qalbiena u pożittiva fejn dehru ħafna affarijiet tajbin, iżda forsi spikka n-nuqqas ta’ punta ċentrali li tagħmel il-ħsara fil-kaxxa avversarja.

Kif kien mistenni iż-żewġ akkwisti ġodda, James Carragher u Ilyas Chouaref kienu inklużi mal-ewwel ħdax, iżda għadu kmieni wisq biex wieħed jagħti ġudizzju dwar il-potenzjal u l-benefiċċji li jista’ jieħu minnhom it-tim nazzjonali.

Bonello wettaq l-ewwel intervent wara 40 sekonda meta salva mal-art xutt bid-dawra ta’ Alho. Fit-tmien minuta l-ewwel risposta Maltija meta Teuma żmarka lil Joseph Mbong li daħal tajjeb fil-kaxxa mil-lemin iżda x-xutt tiegħu mar ftit barra.

Ftit wara Bonello salva xutt ta’ Alho u fit-12-il minuta ġirja nkredibbli ta’ Satariano ġirja li ntemmet b’xutt u save mill-aqwa ta’ Hradecky. Tliet minuti wara Hradecky mblokka xutt ċentrali ta’ Paul Mbong.

Fis-27 minuta minn azzjoni ta’ korner taħwida quddiem il-lasta Finlandiża iżda l-Maltin ma rnexxielhomx jixħtu l-ballun fix-xibka. Fil-31 minuta ċans tad-deheb għall-Finlandja meta Bonello salva kif seta’ daqqa ta’ ras ta’ Pohjanpalo u mir-rebound Kallman xeħet inkredibilment għoli.

Il-goal wasal seba’ minuti wara b’azzjoni simili fejn din id-darba Bonello salva x-xutt bomba ta’ Kallman bil-ballun jiġi f’saqajn Antman li spara fix-xibka.

Fit-tieni taqsima Malta ddominat u kienet kważi l-ħin kollu fuq l-attakk iżda ma rnexxielhix issib ix-xibka minkejja diversi opportunitajiet ta’ skor li setgħu taw punt meritat lil Malta.

Biex tkompli tiġi ħażina Malta spiċċat b’għaxar plejers meta Kurt Shaw, wara konsultazzjoni mal-VAR intwera karta ħamra diretta.