Lokali Qorti

Mhux ħati li kkaġuna feriti gravi għax kien qed jiddefendi lilu nnifsu

Raġel ta’ 32 sena ma nstabx ħati mill-Maġistrat Claire L. Stafrace Zammit li fis-sajf ta’ erba’ snin ilu kkaġuna feriti gravi fuq raġel ieħor fil-Belt Valletta wara li tah daqqa ta’ ponn. Dan għaliex mill-provi rriżulta li Jean Paul Azzopardi kien qed jiddefendi lilu nnifsu. Huwa lanqas instab ħati li għamel ħsara lill-allegat vittma u li sar reċidiv.

Is-Supretendent Priscilla Caruana Lee qalet fil-Qorti li fl-4 ta’ Awwissu 2021 ġiet infurmata li l-allegat vittma, Luke Vella kien għamel rapport kontra l-akkużat Jean Paul Azzopardi. Qalet li l-parte civile allega li waqt li kien f’Misraħ San Ġwann, il-Belt Valletta, ġie aggredit mill-akkużat fejn dan l-allegat li l-inċident seħħ fit-3 ta’ Awwissu 2021 fis-5.45pm.

Qalet li l-allegat vittma allega li sofra ġrieħi fuq wiċċu u li skont iċ-ċertifikat mediku dawn il-ġrieħi kienu ta’ natura gravi kif ukoll allega li kien hemm ħsarat fuq arloġġ, ċappetta u misluta li kienu fuqu. Iżżid
tgħid li meta kellmet lill-parte civile flimkien mas-sieħba tiegħu huma allegaw li waqt li kienu mixjin il-Belt, mar fuqhom l-akkużat u qabad lil Luke Vella mill-flokk u aggredih billi tah daqqa ta’ ras.

Dak il-ħin Vella waqa’ mal-art u hekk kif ipprova jqum l-akkużat reġa’ aggredih. Qalet li l-akkużat għandu tifel li jiġi mis-sieħba ta’ Vella. Tenniet li l-kaġun ta’ din il-ġlieda kienet li l-akkużat sema’ qlajja li l-parte civile kien qiegħed jakkużah b’moħqrija fuq it-tifel.

Is-Supretendent Priscilla Caruana Lee kompliet tgħid li hi kellmet lill-akkużat u dan wara li kkonsulta
mal-avukat tal-fiduċja tiegħu, Francesca Zarb, iżda ma tteħditx stqarrija tiegħu stante li ma kienx hemm cameras biex jingħalaq il-każ. Tgħid li però kienet ġiet iffissata data għal tali stqarrija.

Caruana qalet ukoll li waslilha ċertifikat mediku bil-firma tat-tabib Daniele Lauretta Agius fejn hemm indikat li l-ġrieħi li ġarrab il-parte civile kienu ta’ natura gravi. Tgħid li r-rapport ittieħed mis-Surġent David Ellul li kellu wkoll l-inkarigu li jiġbor kwalunkwe filmati tas-CCTV preżenti fl-akkwati fejn seħħ l-allegat reat iżda tali inċident ma nqabadx mill-cameras fl-inħawi.

Ix-xhud tgħid ukoll li l-parte civile ppreżenta stima tal-ħsara li ġarrab fuq l-arloġġ tiegħu. Qalet ukoll li l-akkużat irrilaxxa stqarrija fil-11 ta’ Jannar tas-sena 2022 fil-preżenza ta’ uffiċjal tal-Pulizija, Hu spjega li waqt li kien qiegħed il-Belt Valletta hu sema’ lill-akkużat jgħid il-kliem “ta’ kollox se jpatti li qed tagħmel lil ibni”.

Caruana qalet li l-akkużat ġie mbuttat mill-parte civile u minn hemm ‘il quddiem ma jafx x’ġara iktar iżda jisħaq li kien qiegħed jiddefendi lilu nnifsu. Tgħid li l-akkużat saħaq li anke hu ġarrab ħsarat ta’ natura materjali kif ukoll ġrieħi fuq persuntu iżda ma kellux ċertifikati mediċi biex juru dan.

Inkontroeżami tgħid li kien l-akkużat li avviċina l-parte civile u kellmu dwar il-qlajja fuq it-tifel tiegħu. Tixhed li hi ma kellmitx lill-parte civile rigward il-ġrieħi li sofra l-akkużat stante li l-istess akkużat ma xtaqx ikompli bi proċeduri. Tgħid, iżda, li l-akkużat ma ffirmax waiver sabiex ma jinbdewx proċeduri kontra l-parte civile.

Tikkonferma li hi ma vverifikatx minn fejn il-parte civile akkwista arloġġ tal-għamla Rolex. Tixhed li l-akkużat ittiehed l-isptar sabiex jiġi ċċertifikat dakinhar tal-inċident iżda m’għandhiex indikat min kien hemm fuq il-post fejn seħħ l-allegat inċident bħala uffiċjali tal-pulizija.

Tikkonferma li l-akkużi damu biex ħarġu peress li l-filmati kienu damu biex waslu. Xehed il-parte civile Luke Vella li għażel li jixhed minn jeddu u dan wara li ngħata twissija. Qal li fit-3 ta’ Awwissu 2021 kien qiegħed il-Belt Valletta mas-sieħba tiegħu u bintu sabiex jixtrulha rigal għal għeluq sninha.

Jgħid li kif kienu ħdejn il-ħanut tar-Rolex, inzertaw lill-akkużat u lit-tifla tiegħu. Jgħid li l-akkużat waqaf ikellmu iżda hu ried jibqa’ għaddej u jinjorah. Jixhed li minħabba l-fatt li l-akkużat kien qiegħed itih fastidju hu wieġeb lura li qiegħed jagħmel rapporti fil-konfront tiegħu minħabba l-affarijiet li qiegħed jisma’ minn ibnu. Hekk kif qal hekk, l-akkużat aggredih u tah daqqa ta’ ras.

Kien hemmhekk li ntilef minn sensih u jiftakar li qam kollu dmija. Tenna li xi ħadd qallu li l-akkużat kien anke tah daqqa ta’ furketta. Jgħid li eventwalment daħħluh fi stabbiliment tal-cafè u għamlulu s-silġ filwaqt li xi ħadd ċempel il-Pulizija u l-ambulanza. Jgħid li dan kollu seħħ waranofsinhar. Saħaq li xħin waslet l-ambulanza hu rikeb ġo fiha u ttieħed l-isptar sabiex jagħmlulu l-punti.

Jgħid ukoll li l-ikbar ġerħa li sofra kienet fuq imnieħru fejn hu għandu bżonn operazzjoni sabiex imnieħru jerġa’ jiġi għan-normal. Jikkonferma li l-irċevuta maħruga mill-ħanut tad-deheb għall-misluta li kien xtara ntilfet fil-ġlieda.

Il-Qorti qalet li l-verżjoni tal-imputat hi li ddefenda lilu nnifsu mill-aggressjoni tal-parte civile u li tali verżjoni hija kredibbli u ssib konfort legali. Dwar it-tieni akkuża, dik tal-ħsarat volontarji, il-Qorti ttenni li la mhix qed temmen il-verżjoni tal-parte civile, ma hemm xejn fl-atti li jorbot dawn il-ħsarat mal-imputat.

Inoltrè l-istima tal-ħsarat qatt ma ġiet ikkonfermata bil-ġurament mill-persuna li ħarġitha u għalhekk ma
hemmx prova b’saħħitha ta’ dawn il-ħsarat. Jingħad ukoll li anke jekk kienu jeżistu dawn il-ħsarat ma saritx il-prova li dawn seħħew fl-inċident innifsu u wisq anqas mill-imputat.

Ladarba l-Qorti ma sabitx ħtija fuq l-akkużi hekk fil-konfront tal-akkużat, din l-istess Qorti mhix sejra
tieħu qies l-akkuża li sar reċidiv.