mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
- Mhux biss, imma għandhom esperjenza frott dak li għaddew minnu li qegħda tintilef proprju għax ma hemmx fejn jinstemgħu, u mill-istess klassi politika preżenti anqas min irid jismagħhom.
Qisu nibqgħu nirrepetu l-iżball li min jilħaq ‘ġdid’ jimmaġina li x-xemx telgħet miegħu u li waħdu huwa kapaċi jsib tarf ta’ problemi akbar minnu.
Fuq Profili
2. Ħadt pjaċir tul din il-ġimgħa nikkonferma dan kollu waqt li kont qed nisma’ intervista partikolari fuq il-programm magħruf Profili fuq Net Television.
Ippreparat b’attenzjoni minn James Aaron Ellul, kull ġimgħa jkun hemm x’tifhem. Fl-aħħar wieħed kien hemm il-Professur Josef Bonnici (1953). Diskussjoni mill-isbaħ, mimlija b’għerf u gwida li, bħal dejjem, kapaċi jagħti.
Persuna umli, ippreparat, titgħallem mingħandu u miftuħ għal ideat ġodda. Serva u għadu kemm jitħalla jservi lil pajjiżna. Bniedem li ħadem sew bħala Ministru fi Gvernijiet Nazzjonalista, fil-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, Gvernatur tal-Bank Ċentrali, akkademiku, u kapaċi jiggwida u jifforma lil dak li jkun. Fil-ftit ħin li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu għadda minjiera ta’ informazzjoni u direzzjoni. Ħasra li l-għerf tiegħu mhuwiex jinġabar u wżat mill-ġdid.
Djalogu
3. Forsi aktar f’dan wieħed jifhem kemm il-pajjiż, fil-verità, nbidel minn kif kien. Forsi sforz l-esperjenzi reċenti li kellna. Dawk marbuta mal-għarfien ta’ kemm il-ħajja u l-ordni huma fraġli. F’kemm fi ftit jiem, ħajja attiva ssir waħda magħluqa bil-preżenza tal-Pandemija.
Forsi wkoll f’dak li l-edukazzjoni tul dawn l-aħħar snin irnexxielha tgħaddi. F’poplu aktar mgħarraf u attent f’dak li għaddej, fejn ftit minnu għadu jippermetti lilu nnifsu li jinħakem minn ideat politiċi li ma jħaddanx.
Forsi wkoll f’dak li rajna quddiemna fix-xenarju internazzjonali ta’ mexxejja ta’ pajjiżi kbar iċanfru u jgħidu diskors żejjed fil-konfront ta’ xulxin pubblikament. Dak bħalma rajna bejn Volodymyr Zelenskyy (1978) u Donald Trump (1946).
Imma nħoss dejjem iktar li l-bnedmin fuq dawn il-gżejjer ma jridux aktar il-politika tal-konfrontazzjoni. Għalihom din saret sterili u inutli. Qed jippreferu ferm iktar dik li hija favur il-ħidma t-tajba u siewja milli dik tal-istorbju.
Fatti
- Fil-punt kruċjali ta’ dak li għaddej huwa iktar ċar li l-pajjiż irid aktar verità minn dik li qed toħroġ jew li qed tingħad. Irid iktar politika bażata fuq prinċipji li mwielda mill-fonti tal-valuri jassiguraw tkabbir uman ġenwin.
Hemm sejħa għal politika ta’ viżjoni bażata fuq il-linja politika li ż-żewġ partiti prinċipali jirrappreżentaw. Fuq in-naħa tagħna aktar dożi ta’ direzzjoni Demokratika Kristjana milli naħsbu. Iridu wkoll politika li ma tibqax tiċħad l-istatistika u dak li huwa mill-iktar evidenti li ser iseħħ fil-futur qarib.
Il-poplu jippretendi li ma jkunx hemm aktar din il-linja li ma tagħtix każ tiegħu f’dak li qed jgħid, imma dik li taffronta verament il-problemi. Taffronta l-għarfien li minkejja d-diversi sforzi mhux qed ikun hemm il-bidliet li wieħed jippretendi fiċ-ċirkostanzi komplessivi tal-lum.
Dinjità u valur
- Forsi f’dan hemm iktar il-bżonn ta’ min imur kontra l-kurrent biex jispjega ċar li l-poplu għandu dinjità u valur li l-politiċi jridu jirrispettaw. Li, kif qrajt reċentement f’George Weigel (1951), hemm linja politika partikolari: “And the truth that recognizing this built-in dignity and value discloses certain moral obligations and responsibilities, including the obligation to contribute to the common good and the responsibility of living in solidarity with others, especially those who find living their obligations and fulfilling their responsibilities difficult.) (U l-verità li tagħraf din id-dinjità u valur naturali, li tgħaddi obbligazzjonijiet u responsabbiltajiet morali, inkluż dik li tikkontribwixxi għall-ġid komuni u r-responsabbiltà li tgħix f’solidarjetà ma’ oħrajn, speċjalment dawk li jsibuha diffiċli jwettqu u jgħixu r-responsabbiltajiet tagħhom.)
Żmien l-indiema
6. Huwa ċar li f’dan ninsabu fi żmien fejn wieħed jagħraf l-iżbalji passati u preżenti. Jagħraf kif irid jibda jsib tarf biex dan il-pajjiż jibdel iktar ir-rotta li qabad. Jagħraf li għandu jkollu alternattivi veri. Jagħraf li fil-fatt għandu bżonn vuċijiet fi ħdanu li jfehmu l-istorja sabiex tinbena aħjar fil-futur li ġej għaliha.
Jagħraf aktar li hemm mument meta wieħed irid jersaq fil-ġenb, jieħu pass lura u jifhem li hemm lok għal dożi qawwija ta’ indiema. Jagħraf iktar f’dan li għandu bżonn persuni mimlija għerf u esperjenza bħall-Professur Josef Bonnici li jservuna sew bi kliemhom.
Verament m’aħniex fi żmien it-Testment l-Antik, imma ċertament nagħraf iktar li għandna soċjetà li qegħda tistaqsi jekk Ġona jistax, jew huwiex, ġej lura.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>