minn Joe M. Zahra
Skont ċifri li joħorġu mill-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-pagi f’pajjiżna kienu l-inqas li żdiedu fl-aħħar snin. Minn ċifri li ġbart dwar il-paga medja f’pajjiżna u r-rata tal-inflazzjoni (ara ż-żewġ tabelli) jirriżulta li filwaqt li bejn l-2013 u l-2023 il-paga medja żdiedet bi 12.64 fil-mija, ir-rata tal-inflazzjoni fl-istess perijodu żdiedet b’19.29 fil-mija. Li jkompli jikkonfema li l-pagi ma laħħqux maż-żieda fl-għoli tal-ħajja. S’intendi mhux għal kulħadd! Hemm min is-salarju tiegħu qabeż il-€100,000. Hemm min għal impjieg għandu iktar mis-swaba’ li għandna fiż-żewġ idejn! Biss dawn mhumiex il-maġġoranza tal-poplu. Il-parti l-kbira tal-poplu mhumiex jgħixu aħjar. Dak li stqarr xi ftit tas-snin ilu l-Bank Ċentrali ta’ Malta li s-sinjur qed isir iktar sinjur u li l-bqija qed jitħallew lura qed iseħħ. Kif qed jikber id-distakk bejn dawk li jaqilgħu ħafna u dawk li jaqilgħu ftit.
Kont qed inqalleb u sibt interpellanza li l-Eks Deputat Nazzjonalista Claudio Grech għamel fil-Parlament dwar il-paga medja f’Malta fl-2015. Mill-interpellanza rriżulta li din kienet ta’ €20,460 fis-sena.
Iżda mill-istess tweġiba ħareġ ukoll kemm telgħet il-paga medja bejn l-2010 u l-2015. Il-paga medja kienet hekk: €17,977 fl-2010; €18,610 fl-2011; €19,687 fl-2013; €19,896 fl-2014 u €20,460 fl-2015. Fit-tweġiba ħareġ ukoll li kien hemm żieda ta’ €2,483 mill-2010 sal-2015.
X’wassal biex bejn l-2013 u l-2023 id-dħul medju tal-ħaddiema anqas biss għamel tajjeb għall-inflazzjoni? Ma rridux ninsew li f’dan il-perijodu kellna influss qawwi ta’ ħaddiema barranin. Gvern Laburista kien qabad ir-rotta li jibni l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq “iċ-“cheap labour”. Fuq impjiegi minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea. Niftakar artiklu tal-eks ministru Laburista Evarist Bartolo fejn kien qal li Napuljun neħħa l-iskjavitù minn pajjiżna u li llum daħlet skjavitù moderna.
Minn dan niddeduċi li l-parti l-kbira tad-dħul medju tal-ħaddiema ġej mill-fatt li f’pajjiżna għandna ’l fuq minn 100,000 ħaddiem barrani li ħafna minnhom jitħallsu pagi tal-ġuħ. Il-pagi ta’ dawn il-barranin qed jirriflettu wkoll fuq il-pagi tal-Maltin u l-Għawdxin għaliex dawn ftit jistgħu jagħmlu talbiet għal żidiet meta hemm min hu lest jaħdem bl-inqas possibbli għaliex jekk jiftaħ ħalqu jispiċċa jittellaq minn pajjiżna. Din hi s-sitwazzjoni f’pajjiżna llum!

L-inflazzjoni
l-inflazzjoni wkoll kompliet ħarbtet il-pagi l-iktar ta’ dawk bl-inqas dħul. L-inflazzjoni ma tolqotx lil kulħadd l-istess. Tolqot l-iktar lil dawk bl-inqas pagi, lill-vulnerbbli u lill-pensjonanti. Dawn jiddedikaw parti dejjem ikbar mid-dħul tagħhom għall-ikel. U hu l-ikel li l-iktar li qed jogħla.
Barra minn hekk irridu nifhmu li meta jingħataw iż-żidiet għall-inflazzjoni dawn ikunu fuq iż-żidiet li kien hemm qabel. Hekk pereżempju meta fl-2022 l-inflazzjoni żdiedet b’6.15 fil-mija din kienet fuq l-2021 fejn diġa kellek żieda ta’ 1.5 fil-mija. Żieda fuq żieda! U meta fl-2023 reġa’ kellna żieda fl-inflazzjoni ta’ 5.09 fil-mija din kienet fuq dik li kellna fl-2022.
Mela dak l-oġġett li fl-2020 kien jiswa’ 100, fl-2021 sar jiswa 101.5; fl-2022 sar jiswa 107.7 u fl-2023 tela’ għal 113.2. U hekk ikompli jiġri diment li l-inflazzjoni tkompli tiela’ u ma tinżilx!
Il-verità hi wkoll li ħafna affarijiet essenzjali speċjalment l-ikel jogħlew ferm iktar milli turi r-rata tal-inflazzjoni għaliex il-basket li jinġabar fuq ir-rata tal-inflazzjoni llum ma jagħtix piż biżżejjed għall-ikel u l-mediċini li l-iktar li jonfqu flus fuqhom dawk bl-inqas dħul u l-vulnerabbli.
Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista l-ġimgħa l-oħra ressaq mozzjoni quddiem il-Parlament dwar l-għoli tal-ħajja. Din il-mozzjoni kienet imblokkata mill-Gvern li vvota kontra. Il-Partit Nazzjonalista jrid li jkun hemm fond apposta biex jagħmel tajjeb għal żidiet fit-trasport sew għal min jimporta kif ukoll għal min jesporta. Forsi din ma togħġobx lill-Gvern għaliex meta l-affarijiet li nimpurtaw jogħlew il-Gvern jiġbor iktar taxxa tal-VAT!
Il-Partit Nazzjonalista jrid li jkun hemm tax credits għal min iħaddem biex dawn meta jgħollu l-pagi u s-salarji minħabba l-għoli tal-ħajja ma jgħollux il-prodotti tagħhom għall-konsumatur.
Il-Partit Nazzjonalista jrid ukoll, u miegħu jaqblu l-korpi kostitwiti, li ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja ma jkunux intaxxati. Hekk il-pagi u s-salarji tal-ħaddiema ma jonqsux awtomatikament u allura l-poter tal-akkwist tal-ħaddiema flok jikber, jonqos.
Dawn huma soluzzjonijiet li verament jinaqqsu l-inflazzjoni. Soluzzjonijiet li kieku mhux għax supperv il-Gvern kien jagħmilhom tiegħu u verament kienet torħos il-ħajja. Verament il-ħaddiema, il-pensjonanti u l-vulnerabbli kien ikollhom iktar flus f’idejhom x’jonfqu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 21 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>