Opinjoni

OPINJONI: Poteri maħtufa

Li jkollok separazzjoni tal-eżekuttiv mil-leġiżlatura u l-ġudikatura huwa salvagwardja għad-demokrazija u hija prova ta’ soċjetà regolata mis-saltna tad-dritt

minn Mark Said

Episodji reċenti ta’ ħtif ta’ poter b’mod sottili u mbuttati b’liġijiet mill-Gvern Laburista, flimkien m’attakki fuq il-mekkaniżmi u istituzzjonijiet li essenzjalment huma maħsuba biex iżommu lill-Gvern kontabbli, qegħdin jipperikolaw dik is-salvagwardja f’pajjiżna.

Fi żmien meta l-kostituzzjonaliżmu tagħna tinsab mhedda serjament li tiġi żmantellata pass pass minn Gvern bla skrupli, wieħed kien jistenna li l-President tar-Repubblika, bħala gwardjana ta’ dik l-istess Kostituzzjoni, tieħu azzjoni minnufih u tintervjeni sabiex tirrestawra s-separazzjoni tal-poteri u tiżgura l-ħarsien sħiħ tal-Kostituzzjoni.

Il-mekkaniżmu ewlieni kostituzzjonali biex jiżgura governanza tajba hija l-kontabbiltà demokratika permezz tal-elezzjonijiet. Il-vot tal-poplu, bla dubju ta’ xejn, huwa l-kontroll primarju tal-Gvern.
Meta jaħdem kif suppost, huwa mistenni li jkollna Gvern tajjeb billi jiġu eletti mexxejja tajba lesti li jiggvernaw għall-ġid komuni ta’ kulħadd.

Sistema demokratika bħal tagħna suppost tipproduċi elettorat li l-għerf u ġudizzju tajjeb tiegħu jistgħu jagħrfu x’inhu l-aħjar fl-interess ta’ pajjiżna, u fejn il-patrijotiżmu u l-imħabba għas-sewwa tiegħu jxejnu l-periklu li dawk il-valuri jitwarrbu biex jiġu sodisfatti konsiderazzjonijiet oħra illeċiti.

Imma sistema primarja bħal dik taf tfalli, u r-riżultat jaf ikun bil-maqlub. Huwa proprju dan li ġara u qed jiġri f’Malta. Wara r-rebħiet kbar fl-2013, imbagħad darbtejn oħra wara, ġie elett Gvern magħmul minn individwi b’għanijiet xejn tajba mmirati biex jikkorrompu, jistgħanaw u jitħanżru, li l-ewwel serqu l-fiduċja tal-elettorat, imbagħad ittradew l-interessi tal-poplu.

Is-separazzjoni tal-poteri
Huwa għalhekk li l-Kostituzzjoni tagħna, minbarra l-mekkaniżmi primarji għall-kontabbilità demokratika, tipprovdi għal sistemi addizjonali maħsuba biex jillimitaw il-possibbiltà li mexxejja ħżiena jikkaġunaw ħsara enormi lill-ġid komuni. Sistema waħda bħal dik hija preċiżament is-separazzjoni tal-poteri, b’mod partikolari, Ġudikatura indipendenti.

Dik is-sistema addizjonali ma tistax, għas-suċċess tagħha, dejjem tiddependi fuq Gvern li jimxi konformament man-normi kostituzzjonali, f’sitwazzjonijiet fejn ikun proprju l-Gvern dispost li jikser dawk l-istess normi kostituzzjonali, kif effettivament ilu jiġri bil-Gvern preżenti Laburista.

Araw ftit x’qed jiġri fil-Parlament. Is-sistema parlamentari tal-Gvern tagħna taħseb għal kontabbilità amministrattiva lejn il-Kamra tar-Rappreżentanti, li jfisser kontroll politiku ġenerali fuq il-Gvern. Il-Kostituzzjoni tagħti l-poter lill-Parlament li jikkontrolla lill-Eżekuttiv.

B’danakollu, qegħda dejjem tikber il-perċezzjoni li r-rwol tal-Parlament maż-żmien sar irrelevanti, u l-poter tal-Eżekuttiv qed dejjem jissaħħaħ fil-klima politika attwali. Il-ħin għall-mistoqsijiet lill-Prim Ministru ma jeżistix, Membri Parlamentari Laburisti ko-optjati bħal donnhom saru l-ordni tal-ġurnata, u Speaker magħżul b’maġġoranza sempliċi u li kien jimmilita fi ħdan il-Partit Laburista u huwa mpinġi li jżomm mal-atteġġjament tal-Gvern f’bosta istanzi, dawn kollha flimkien jikkontribwixxu biex il-Parlament ma jibqax aktar effettiv fir-rwol kostituzzjonali tiegħu.

L-indħil politiku fiċ-Ċivil ilu manifestat, sal-punt li issa l-ħaddiema taċ-ċivil qed jiġu mwegħda li ser issir liġi li tagħtihom impunità totali mill-prosekuzzjoni kriminali, filwaqt li d-dibattitu ġie sostitwit bil-kontroll.
Il-Parlament ma jiggvernax u ma kienx maħsub li jiggverna. Gvern eżekuttiv, immoderat u kkontrollat bi kritika kostanti, viġilanti u rappreżentattiva, huwa l-ideal li għalih l-istituzzjonijiet jimmiraw. Il-Kostituzzjoni ta’ Malta ampjament tilħaq dak l-ideal.

B’mod qawwi, b’danakollu, il-Parlament qed jinħataf bil-maġġoranza tal-membri tal-Gvern, peress li dawn huma sokkombi għalih u sempliċement imorru ma’ dak li jiddettalhom il-Prim. Spiss, aktar milli l-Parlament jikkontrolla lill-Eżekuttiv, huwa proprju l-oppost.

Il-kontabilità orizzontali
Il-kontabbilità orizzontali qegħda kontinwament tiġi mnaqqra, hekk kif istituzzjonijiet statali bħalma huma l-Parlament, il-Ġudikatura indipendenti u entitajiet oħra kostituzzjonali maħsuba biex jikkontrollaw lill-Gvern, kulma jmorru, qed jitteħdilhom il-poter.

Dan il-Gvern bilkemm jagħti kas, inkella jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet u sejbin tal-Ombudsman; il-Kummissarju tal-Pulizija huwa speċi ta’ laqi tal-Gvern, bl-Avukat Ġenerali pupazza f’idejn il-Gvern u l-Avukat tal-Istat soġġett għad-direzzjoni tal-Prim Ministru.

Għandna Kummissarju għall-Istandards li ma jistax ikun aktar ħanin u artab meta jissanzjona ksur tal-istandards mistennija fil-ħajja pubblika, u awditur ġenerali li, kull meta jissenjala xi każ ta’ amministrazzjoni ħażina, spiss jingħata l-ġemb. Il-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi, ukoll, sar sempliċement timbru ta’ approvazzjoni għall-kandidati Laburisti biex jokkupaw karigi bi profil għoli, sensittivi u vitali. Il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, minkejja li huwa ppresedut minn membru parlamentari Nazzjonalista, spiss huwa mfixxkel mill-manuvri orkestrati mill-Membri Parlamentari Laburisti li jagħmlu parti minn dak il-kumitat.

Naturalment, l-aħħar mossa leġiżlattiva permezz tal-abbozz numru 125, suppost maħsub biex jirriforma kif l-inkjesti maġisterjali jistgħu jintalbu minn ċittadini privati, fil-fatt għandu l-għan li jkompli jxejjen il-kontabbiltà u l-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern.

Dan l-atteġġjament kollu jindika deterjorazzjoni sinifikanti matul dawn l-għoxrin fl-integrità u fl-istandards mitluba mill-kostituzzjoni tagħna. Kollox juri li hemm sfida għal sistema li hija mmirata biex tkun imsejsa fuq ir-rieda tajba u fuq politika morali li tħares is-saltna tad-dritt.

Kollox ma’ kollox, hija indikazzjoni ta’ dgħufija istituzzjonali aktar mifruxa fis-sistema politika attwali li qegħda therri l-fiduċja pubblika fid-demokrazija u fl-istandards fil-ħajja pubblika.

Gvern moħħu li jżomm il-poter jaf jabbuża minnu u jinqeda bl-awtorità tiegħu biex jilħaq l-għanijiet illeċiti u illeġittimi tiegħu. Ir-riżultat aħħari jkun li l-poter jikkorrompi, u l-poter assolut jikkorrompi assolutament.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Marzu, 2025.