Lokali

“Opportunitajiet għal kulħadd” – titfakkar il-World Down Syndrome Day

Is-support – dan huwa l-enfasi prinċipali tal-Jum Dinji dedikat għad-Down Syndrome 2025 – ġurnata li tfakkret bi prominenza madwar id-dinja kollha, fejn intqal li kulħadd f’xi waqt ta’ ħajtu jkollu bżonn support.

F’din il-ġurnata, AnneMarie Grech wasslet messaġġ importanti biex bħala soċjetà jingħataw opportunitajiet lil kulħadd – huma min huma. Hi wasslet dan il-messaġġ permezz ta’ filmat li xxandar fuq il-midja soċjali, bis-sehem ta’ diversi tfal u żgħażagħ li għandhom din il-kundizzjoni.

Fil-fatt, huma qattgħu ftit ħin flimkien ma’ AnneMarie Grech fl-Imdina fejn imxew fit-toroq dojoq ta’ din il-belt antika, u żaru l-Katidral. Dan filwaqt li ammiraw l-arkitettura sabiħa tal-Imdina.

Wara, huma marru jieħdu xi ħaġa żgħira flimkien fejn komplew jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom.

Jum li tfakkar min-Nazzjonijiet Uniti

L-għaqda Down Syndrome International appellat lill-gvernijiet kollha madwar id-dinja biex isaħħu s-sistemi ta’ appoġġ għal min verament jinsab fil-bżonn. U f’dan il-jum, se tkun organizzata wkoll Konferenza Internazzjonali fil-kwartieri tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York; bl-enfasi jkun fuq l-inklużjoni.