Lokali

Esperti jisħqu li l-konsum tad-droga kokaina żdied, u żdied sew

Il-konsum tal-kokaina – fatt li bosta, speċjalment dawk li joħorġu jiddevertu filgħaxija f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex, huma konxji li qiegħed jiżdied. U fl-aħħar jiem il-ġurnal Times of Malta rrapporta dak li ġie osservat f’numru ta’ ljieli; cioe, il-konsum ta’ din id-droga fl-istabbilimenti tad-divertiment fil-Belt Valletta.

Waqt TimesTalk, ippreżentat mill-ġurnalist Mark Lawrence Zammit, Emma Borg u Marc Galdes – il-ġurnalisti spjegaw li dan il-konsum mhux qed isir biss fil-Belt, bit-tnejn li huma jisħqu li d-droga qed jikkonsmawha nies li f’għajnejn kulħadd jidhru normalissimi.

Galdes osserva li l-konsum tal-coke kien qed issir f’nofs il-barijiet fejn saħansitra darba minnhom innota sitt irġiel deħlin f’toilet wieħed…bil-ġurnalisti jiddesrivu l-ħsejjes li bdew jisimgħu.

L-istess Borg tkelmet ma’ raġel li spjega li jikkonsma l-kokaina tal-inqas sitt darbiet fix-xahar u spjega mnejn wieħed qiegħed jakkwistaha…u kemm tiswa.

Intant, il-Psikjatra Anton Grech spjega li l-coke hija droga li sfortunatament qed tiġi normalizzata hekk kif il-konsum qiegħed jiżdied.

Dan filwaqt li Godwin Sammut, Forensic Lab Scientist, spjega li l-kokaina qed titħallat bil-Levamisole – mediċina kontra d-duda fl-imsaren li tista’ twassal għal attakk tal-qalb.

Intant, huma preċiżaw jgħidu li anke jekk tikkonsma ftit kokaina – tkun f’riskju ta’ konsegwenzi ta’ saħħa kbar.

Din l-investigazzjoni tat-Times turi kif fir-realta, kulħadd huwa konxju tal-konsum tal-kokaina u taż-żieda tagħha – mill-awtoritajiet saċ-ċittadini normali fi djarhom.