Riżultat pożittiv għall-atleta u sprinter Malti Beppe Grillo fil-World Athletics Indoor Championships li qed isiru f’Nanjing fiċ-Ċina. Grillo kiseb ħin ta’ 6.87 sekondi fis-60 metru sprint fejn temm fit-42 post minn 58 atleta li kkompetew f’din il-kategorija. Grillo kkompeta fost l-aqwa atleti minn madwar id-dinja. L-isprint tas-60 metru intrebħet mill-Ingliż Jeremiah Azu f’ħin ta’ 6.49 sekondi biex għeleb lill-Awstraljan Lachlan Kennedy b’0.01 sekondi.
Aktar kmieni dan ix-xahar Beppe Grillo kien ukoll involut fil-European Athletics Indoor Championships flimkien mal-atleta Thea Parnis. Iż-żewġ atleti kisbu l-aqwa ħin personali bi Grillo jiġri 60 metru f’ħin ta’ 6.83 sekondi filwaqt li Parnis ġriet 60 metru f’7.16 sekondi. Fl-2025, Grillo kompla jibni fuq is-suċċess li kellu fl-2024 wara li kkompeta fl-Olimpjadi ta’ Pariġi u kien ukoll żamm il-bandiera Maltija, flimkien ma’ Janet Richard, f’isem il-kontinġent Malti.
Fl-2024 hu kiseb suċċess fil-Balkan Senior Championships fejn rebaħ il-midalja tal-Bronż filwaqt li temm fit-8 post fl-Erwopa fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena fil-100 metru. Grillo jżomm ukoll ir-rekord nazzjonali tal-100 metru b’ħin ta’ 10.23 sekondi.
//= $special ?>