Knisja Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona

Illum fid-9:30am bdiet il-quddiesa praesente cadavere b’suffraġju għal Mons. Cremona fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna li qed tixxandar fuq NET TV. Sar ukoll programm speċjali fuq NET TV, b’diversi kelliema.

Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius

Ftit qabel bdiet il-quddiesa, waslu fil-Konkatidral għadd ta’ awtoritajiet mill-pajjiż, inkluż il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, is-Sinjura Anne Marie Grech, kif ukoll deputati miż-żewġt naħat tal-kamra.

Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna fakkar il-vjaġġ reliġjuż tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona. Hu sostna li “kien faċli li tħobbu lil Patri Pawl, għaliex hu kien iħobb, b’ħarsa ħanina tal-Mulej, bi tbissima li kienet għal kulħadd”. L-Arċisqof Scicluna spjega wkoll kif il-Patri Pawlu Cremona kien bniedem ta’ qalb tajba, u li kellu qalb safja.

L-Arċisqof Scicluna temm l-omelija bil-kliem ta’ l-Arċisqof Emeritu Cremona stess – “inħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minnkom biex tgħinuni bil-qalb nisranija tagħkom”.

Ritratt: Martin Agius

Wara l-omelija nqraw għadd ta’ talb minn diversi membri tal-komunita’.

Fi tmiem il‑quddiesa, il‑korteo funebri se jitlaq bil‑mixi mill‑Konkatidral ta’ San Ġwann għal Triq ir‑Repubblika sa Bieb il‑Belt. Wara, il‑funeral ikompli f’forma privata fil-Knisja tal-Madonna tal-Għar u ta’ San Duminku, ir-Rabat.

Fl-12:00pm se jindaqqu l-qniepen fi transitu mill-knejjes kollha ta’ Malta b’tislima lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, eżatt fil-ħin tad-difna.