Sport Sport Ieħor

Etienne Bonello jtemm il-Absa Cape Epic b’determinazzjoni

Iċ-ċiklist Malti Etienne Bonello temm b’suċċess wieħed mill-iktar sfidi ta’ reżistenza fid-dinja — l-Absa Cape Epic — li hija meqjusa bħala waħda mill-aktar tlielaq diffiċli u prestiġjuzi tal-mountain biking, spiss imsejħa t-“Tour de France tal-mountain biking.”

It-tellieqa tikkonsisti fi tmien stadji mifruxa fuq tmint ijiem fir-reġjun tal-Western Cape fl-Afrika t’Isfel, u tkopri aktar minn 600km ta’ rottot diffiċli  u b’total ta’ 16,500 metru f’telgħat. Bonello, li inizjalment kien irreġistra biex jikkompeti fil-kategorija Mixed flimkien ma’ Marie Claire Aquilina, sab ruħu f’sitwazzjoni mhux mistennija meta Aquilina kellha tirtira kmieni fit-tiġrija minħabba inċident.

Minkejja dan is-sitwazzjoni diffiċli, Bonello għażel li jkompli waħdu, determinat li jonora l-impenn tagħhom u jtemm waħda mill-aktar tlielaq ta’ endurance diffiċli fid-dinja.

L-ewwel ġurnata kienet waħda pożittiva, fejn il-koppja temmet fil-14-il post minn 73 tim internazzjonali, fil-kategorija mixed.

Vjaġġ mimli tibdil u sfidi

L-istadji bikrin kienu diġà indikazzjoni tal-isfidi li kienu ser jiffaċċjaw. Fl-ewwel stadju, Aquilina sofriet ħabta serja li kkawżat injury f’dahra. Minkejja l-uġigħ, hija wriet determinazzjoni straordinarja u rnexxielha tlesti l-istadju. Fit-tieni stadju, waqt prova ta’ ħin taħt temperatura ta’ 38°C, it-tnejn kellhom jitħabtu mal-għejja u l-effetti tas-sħana.

Sfortunatament, sat-tielet stadju, ir-riżultat tal-inċident ta’ Aquilina – minkejja sforzi biex tkompli – rat lil Aquilina tieħu d-deċiżjoni li tirtira. B’hekk Bonello kellu jaffaċċja l-bqija tat-tellieqa waħdu – kompitu kbir anke għal dawk bl-aktar esperjenza.

Battalja kontra l-elementi

Kull ġurnata ġabet magħha sfidi ġodda – mis-sħana qawwija u t-telgħat tekniċi, għal problemi mekkanici u mogħdijiet bit-tajn. L-istadju 5, magħruf bħala “Killer Queen,” kien partikolarment brutali, b’xita kiesħa u telgħat mimlija tajn. Bonello kien fost dawk li kellhom jinżlu mir-rota u jmexxuha fit-tajn. “Il-linja finali tista’ tkun qrib, imma l-vjaġġ għadu wieħed qawwi u diffiċli,” qal Bonello wara l-ħames stadju.

Fis-seba’ stadju, Bonello wettaq wieħed mill-aqwa wirjiet tiegħu. B’esperjenza ta’ snin fit-tiġrijiet, u bi strateġija ta’ recovery imfassla sew, huwa għeleb il-mogħdijiet tal-Muntanja Helderberg b’enerġija ġdida. “Kelli l-aqwa saħħa ta’ din il-ġimgħa kollha,” stqarr. “Meta jkollok ġurnata tajba, kollox jidher li jimxi aħjar.”

Tmiem trijonfanti

L-istadju finali tal-Ħadd ġiet alterata minħabba l-kundizzjonijiet estremi ta’ maltemp li seħħew fil-lejl ta’ qabel.  B’għajnejh fuq il-linja finali, Bonello mar bl-aktar saħħa li kellu fejn irnexxielu jlesti l-Absa Cape Epic kontra kull ostaklu.

“Illum hija ġurnata kemm ta’ soddisfazzjoni iżda wkoll bi ftit dispjaċir. Kontra kull probabbiltà, irnexxieli ntemm din it-tiġrija epika – fejn tħabat mas-sħana kbira, ħabtiet, intellaq waħdi, u terren diffiċli ħafna. Kien ta’ dispjaċir li ma stajtx ngħaddi mill-finish line ma’ Marie Claire, u li nsuq waħdi f’dawk il-kundizzjonijiet kien jeħtieġ doża żejda ta’ determinazzjoni. Iżda immensament grat għall-appoġġ ta’ Marie Claire li qatt ma naqas – kienet hemm miegħi kull pass. Din it-tellieqa kienet għaliha wkoll.” Temm jgħid Bonello.

Il-kampanja Cape Epic kienet possibbli grazzi għall-appoġġ ta’ Meerendal Wine Estate, Kalamba Games, Garmin, BBB Cycling, The Sports Medics, Go&Fun, Visit Malta, u Wurth. Il-vjaġġ kien ukoll appoġġjat mill-Kumitat Olimpiku Malti, SportMalta, u l-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.