Internazzjonali

Gaza: Aktar minn 50,000 Palestinjan maqtula waqt il-kampanja militari ta’ Iżrael

Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, li hu mmexxi mill-Ħamas, żvela li mietu ‘l fuq minn 50,000 Palestinjan waqt il-kampanja militari ta’ Iżrael fit-territorju. Dan l-ammont hu ekwivalenti għal aktar minn tnejn fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Gaza qabel il-gwerra u li dak iż-żmien kienet kalkulata mat-2.3 miljun… ċifra li tfisser li, waqt l-ostilitajiet, spiċċa maqtul Palestinjan minn kull 46 resident ta’ Gaza.

Fl-istess perjodu, indarbu ‘l fuq minn 115,000 Palestinjan fost il-bumbardamenti u diversi attakki tal-art mill-qawwiet tal-Iżraeljani.

Dawn iċ-ċifri huma aċċettati min-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll mill-istituzzjonijiet internazzjonali u l-entitajiet ta’ fejda.

Madankollu, Iżrael qed ikompli jirrifjuta l-informazzjoni dwar il-vittmi tal-gwerra provduta u pubblikata mill-awtoritajiet f’Gaza.

Il-ġurnalisti mal-midja internazzjonali mhumiex permess li jidħlu f’Gaza bil-mezzi indipendenti u li jfisser li huma ma jistgħux jivverifikaw iċ-ċifri tal-vittmi permezz tas-sorsi eskussivi.

Dan meta l-uffiċjali li qed jevalwaw l-ammonti ta’ Palestinjani maqtula fil-gwerra ta’ Gaza ma jistgħux jiddistingwu bejn il-vittmi ċivili u t-terroristi tal-Ħamas li tilfu ħajjithom waqt l-azzjonijiet militari.

Ftit taż-żmien ilu, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mid-Drittijiet Umani mexxa analiżi li żvelat li mas-70 fil-mija tal-vittmi verifikati tal-gwerra f’Gaza kienu nisa u tfal.

L-analiżi konċentrat fuq perjodu ta’ sitt xhur u meta numru ta’ sorsi impekkabbli – fosthom il-ġurnal mediku The Lancet – qed jippubblikaw l-istudji li jissuġġerixxu li l-vittmi f’Gaza jistgħu jkunu bil-wisq ogħla mill-50,000 żvelati mill-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza.

Il-gwerra  bdiet meta t-terroristi tal-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru tal-2023, invadew l-artijiet tal-Iżraeljani minn Gaza biex wettqu l-akbar massakri ta’ ċivili fl-istorja moderna ta’ Iżrael – u bit-terroristi anki jaħtfu tal-anqas 251 ostaġġ li ħafna minnhom mietu fi stat ta’ priġunerija.