Ejjew inħarsu lejn Għawdex bħala opportunità għall-ġid komuni tagħna lkoll. Ejjew nerġgħu nagħmlu minn Għawdex art ta’ opportunitajiet, art fejn l-Għawdxin jistgħu jimirħu, art ta’ kwalità.
Dalgħodu, waqt intervista mmexxija mill-ġurnalist ta’ Newsbook Malta Owen Teuma f’Ta’ Sannat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tenna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jirrispetta l-identità, il-wirt kulturali u l-potenzjal tal-gżira Għawdxija filwaqt li jwettaq politika li tagħti futur verament sostenibbli lil Għawdex u lill-Għawdxin.
Fl-attività li ħadet forma ta’ Q&A, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wieġeb għadd ta’ mistoqsijiet minn numru ta’ żgħażagħ Għawdxin dwar temi diversi marbutin ma’ Għawdex li, iżda, għandhom impatt mhux biss fuq l-Għawdxin.

Bernard Grech qal li Għawdex ħaqqu futur ċar, futur għal uliedu, futur fejn il-wegħdiet jiġu miżmuma, u fuq kollox gvern li jżomm kelmtu u ma jittrattax lill-Għawdxin bħala ċittadini tat-tieni klassi bħalma qed jagħmel il-Gvern Laburista bħalissa.
Biżżejjed wieħed jara kif dan il-Gvern ixxaħħaħ mal-Għawdxin fl-aktar ħaġa bażika u bżonjuża għalihom – il-konnettività ma’ Malta. Gvern Laburista fi 13-il sena kien kapaċi biss jagħtihom l-MV Nikolaos, vapur żdingat li mhuwiex tajjeb għan-nies u li għalih kuljum qed inħallsu €13,000 għal servizz ta’ tmien sigħat. Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jagħti lill-Għawdxin konnettività ta’ kwalità permezz ta’ flotta ġdida b’erba’ vapuri tal-passiġġieri u wieħed iddedikat esklussivament għall-merkanzija. Isaħħaħ ukoll il-portijiet u l-infrastruttura ta’ madwarhom ħalli l-esperjenza tal-vjaġġ bejn iż-żewġ gżejjer tkun waħda sigura u pjaċevoli.

Għawdex għandu potenzjal kbir fejn jidħol turiżmu ta’ kwalità ferm ogħla minn dak li qed jara sa issa. Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern l-ewwel ma jagħmel hu li jsaħħaħ il-konnettività biex turist li jrid imur direttament Għawdex kif jasal fl-ajruport ikollu vjaġġ komdu u effiċjenti.
Apparti minn hekk, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jagħti inċentivi biex it-turist jagħżel li jqatta’ aktar ġranet f’Għawdex f’lukandi u akkomodazzjonijiet turistiċi u mhux iżur il-gżira għal ġurnata waħda biss, b’turiżmu mifrux mas-sena kollha. Itejjeb l-ivvjaġġar ta’ billejl bejn iż-żewġ gżejjer u jinvesti biex jiġbed aktar turisti li jfittxu niċeċ speċifiċi bħalma huma t-trekking, id-diving, it-turiżmu agrikolu u aktar. Dan jista’ jsir ukoll billi jkunu utilizzati fondi Ewropej li jeżistu għal dan il-għan.
Iċ-ċokon u l-karattru uniku ta’ Għawdex jistgħu jkunu ta’ vantaġġ jekk wieħed jagħraf jużahom bl-aħjar mod. Gvern ġdid Nazzjonalista jaspira li jagħti aktar opportunitajiet lil negozji zgħar f’Għawdex li jipproduċu prodotti tipiċi biex jakkwistaw ċertifikazzjonijiet ta’ kwalità ogħla Ewropej.
Il-Partit Nazzjonalista jixtieq jara intrapriżi tal-artiġjanat jikkompetu ma’ prodotti barranin fuq pjattaformi diġitali. L-industriji f’Għawdex għandhom ikunu mħarsa permezz ta’ inċentivi fiskali u għajnuniet finanzjarji biex itejbu l-prodott tagħhom. Dan, flimkien ma’ programmi ta’ taħriġ u kampanji għall-promozzjoni tal-prodotti lokali Għawdxin, għandu jkompli jixpruna l-industrija u n-negozju f’Għawdex u jkompli joffri opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Imma l-gżira Għawdxija ma tistax timxi ’l quddiem meta l-infratruttura tagħha hija waħda mwiegħra. Il-Gvern Laburista anke hawn ilu jgħaddi ż-żmien bl-Għawdxin. Illum it-toroq t’Għawdex qegħdin fi stat tal-biki. Għawdex jeħtieġ ikollu aġenzija għalih biex jippjana x-xogħol infrastrutturali tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern joħloq din l-aġenzija li jkollha l-għan li tikkordina x-xogħlijiet infrastrutturali b’mod aktar effiċjenti, bi ppjanar ċar u dettaljat, u li żżomm liċ-ċittadin aġġornat b’dak li jkun se jiġri. Din l-aġenzija tkun tista’ timmaniġġja fondi apposta għat-titjib tal-infrastruttura u tkun teżiġi standards għoljin ta’ xogħol u użu ta’ materjali u tekonoloġija ta’ kwalità biex Għawdex u l-Għawdxin ikollhom l-infrastruttura li jixirqilhom għaż-żminijiet tal-lum.

L-immodernizzar irid isir anke fil-qasam tax-xogħol u l-impjiegi. Biex iż-żgħażagħ u l-adulti Għawdxin ikollhom aktar opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità, Gvern ġdid Nazzjonalista jinċentiva l-ħolqien ta’ co-working spaces, u jgħin kumpaniji li joffru impjiegi speċjalizzati biex ikollhom l-ispazju li għandhom bżonn biex jibdew jew ikabbru l-operat tagħhom. Gvern ġdid Nazzjonalista jrid jara liż-żgħażagħ Għawdxin jirnexxu fl-ambizzjonijiet tagħhom fin-negozju permezz ta’ inċentivi fiskali kif ukoll permezz ta’ fond speċjali – il-Gozo Youth Entrepreneurs Fund – li jagħtihom is-sostenn li jkollhom bżonn biex iwaqqfu fuq saqajha l-intrapriżi tagħhom. Imma l-Partit Nazzjonalista ma jridx jieqaf hemm. Komunitajiet b’saħħithom jeħtieġu wkoll l-ispazji fejn jistrieħu u jiddevertu. Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura l-ħolqien ta’ spazji kulturali, sportivi u soċjali moderni li joffru ambjent attraenti għaż-żgħażagħ u li jsaħħu l-komunitajiet.
Ma jistax ikollna Għawdex b’saħħtu jekk ma jkollniex Għawdxin b’saħħithom. Fejn il-Gvern Laburista ilu jgħaddi ż-żmien bl-Għawdxin snin twal, Gvern ġdid Nazzjonalista jagħtihom servizz tas-saħħa kif jixirqilhom. L-ewwel nett Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jiġu stabbiliti skedi ta’ implimentazzjoni ċari u trasparenti għall-bini tal-isptar il-ġdid, bil-fazijiet kollha komunikati cari meta jibdew u jispiccaw, għaliex sal-lum lanqas il-Gvern stess ma jaf x’qed jiġri u l-fażijiet saru qishom logħba tat-tombla. Iżda sakemm jitlesta l-isptar il-ġdid, Partit Nazzjonalista fil-Gvern jara li l-Għawdxin jinqdew aħjar f’Għawdex stess billi jtejjeb is-servizzi u t-tagħmir fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u billi jsir programm ta’ kollaborazzjoni mal-privat filwaqt li l-professjonisti Għawdxin ikunu inċentivati biex joffru s-servizzi tagħhom f’Għawdex stess biex l-Għawdxin jinqdew aħjar.
Mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar l-iżvilupp f’Għawdex, Bernard Grech sostna li Għawedex jixraqlu żvilupp li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum imma wkoll żvilupp li jirrispetta l-kwalità tal-ħajja tan-nies. L-iżvilupp f’Għawdex irid isir b’rispett sħiħ lejn il-karattru uniku u l-ambjent naturali ta’ Għawdex. Bħal kull gżira oħra li timmira li tkompli tikber fl-ekonomija, Għawdex irid iżomm maż-żminijiet imma l-iżvilupp li jrid isir biex dan iseħħ irid ipoġġi l-ewwel u qabel kollox lill-Għawdxin. Dan hu Għawdex tal-Għawdxin u l-iżvilupp tiegħu jrid isir għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u mhux a skapitu tiegħu.
Bernard Grech wieġeb ukoll dwar il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li Għawdex ikollu Kunsill Reġjonali tiegħu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-PN dejjem emmen li l-Għawdxin kapaċi jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għal Għawdex tant li kien proprju l-Partit Nazzjonalista li welled il-Ministeru għal Għawdex malli tela’ fil-Gvern fl-1987.
Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jgħid li Għawdex għandu jkollu Kunsill Reġjonali li jkun magħmul mill-Għawdxin li jkollu l-poter li jieħu d-deċiżjonijiet, għax huma l-Għawdxin li jafu aħjar mill-Maltin x’inhuma r-realtajiet tal-Għawdxin. Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti s-saħħa lill-Għawdxin biex ifasslu l-futur tagħhom u tal-gżira Għawdxija.
//= $special ?>