Internazzjonali

Il-Kanada: Iħabbar elezzjoni bikrija fi żmien mill-aktar delikat – u fl-eqqel tal-‘gwerra tat-tariffi’

FILE - Mark Carney speaks during his Liberal leadership campaign launch in Edmonton, Jan. 16, 2025. (Jason Franson/The Canadian Press via AP, File)

Il-Prim Ministru ġdid tal-Kanada, Mark Carney, għadu kemm ħabbar li l-poplu jrid jivvota f’elezzjoni ġenerali bikrija. Dan fi żmien ta’ taqlib u arja ta’ bidla u meta l-pajjiż jinsab għaddej bi gwerra tat-tariffi mal-Istati Uniti ta’ Donald Trump.

L-elezzjoni se ssir fit-28 ta’ April u l-konferma tagħha hi l-ewwel deċiżjoni ewlenija min-naħa tal-Prim Ministru Kanadiż – Eks Gvernatur tal-Bank tal-Ingilterra – mindu hu ħa t-tmexxija tal-Partit Liberali fil-Gvern minflok l-Eks Prim Ministru Justin Trudeau.

L-elezzjoni se ssir ukoll fi żmien ta’ tensjoni kbira bejn il-Kanada u l-Istati Uniti u meta l-President Amerikan Trump jinsab determinat biex ikompli bil-‘konflitt kummerċjali’ mal-Kanada. Ta tħassib ukoll huma l-istqarrijiet kontinwi ta’ Trump li jrid jara lill-Kanada bħala l-51 Stat Amerikan. Stqarrijiet li rrabjaw bil-kbir lill-Kanadiżi kollha li jgħożżu l-indipendenza u s-sovranità ta’ pajjiżhom.

Intant, il-partiti federali ewlenin qed iħejju għal kampanja intensiva matul il-jiem li ġejjin u meta Carney, bħala Kap ġdid tal-Partit Liberali, irid jiffaċċja kompetizzjoni qawwija min-naħa tal-Kap tal-Konservattivi, Pierre Poilievre; il-Kap tal-Partit Demokratiku Ġdid, Jagmeete Singh; u l-Kap tal-Partit Bloc Québécois għall-Kanadiżi Franċiżi  Yves-François Blanchet.