Il-Gvern tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, qed jagħmel minn kollox biex jaċċerta li ma jkollux sfida politika notevoli li kapaċi, ‘il quddiem, tfisser bidla drastika għall-mod kif titmexxa t-Turkija.
Dan meta dejjem aktar Torok qegħdin jidhru mxebbgħin minn snin sħaħ ta’ awtokrazija u ripressjoni tad-drittijiet fundamentali – bir-rabja qed tiżdied wara l-konferma li l-akbar rivali għal Erdogan spiċċa formalment arrestat u akkużat dwar korruzzjoni. Akkuża li qed tidher xprunata minn skop politiku aktar milli minn xi provi f’idejn l-awtoritajiet.
L-arrestat – is-Sindku ta’ Istanbul, Ekrem Imamoglu – qed iżid il-popolarità mat-Torok u dan jidher li qed jinkwieta bil-kbir lill-kamp ta’ Erdogan. Intant, il-Partit tal-Poplu Repubblikan (CHP) li Imamoglu jifforma parti minnu mistenni li jagħżel lilu bħala l-kandidat tal-Oppożizzjoni biex jikkuntesta l-elezzjoni presidenzjali tal-2028 fit-Turkija.
L-għażla qed issir li permezz ta’ ballottaġġ partikulari, u b’Imamoglu ikompli jiċħad l-allegazzjonijiet kontra tiegħu li fissirhom bħala motivati bi ħsieb politiku minn persuni li jridu jħammġuh f’għajnejn l-elettorat. Hu qal ukoll li mhu se jbaxxi qatt għal din il-forma ta’ intimidazzjoni u rikatt politiku.
Minbarra li hu avversarju formidabbli tal-President Erdogan, Ekren Imamoglu qed jitqies bħala l-uniku kandidat li kapaċi jaqleb l-istatus quo fit-Turkija.
Sadanittant, l-arrest ta’ Imamoglu wassal għall-akbar protesti fit-Turkija għal ħafna snin, bil-President Erdogan jikkundanna d-dimostrazzjonijiet fost l-akkużi li l-partit ta’ Imamoglu ‘qed jipprova jkisser l-istabbilità tal-pajjiż minbarra li jippolarizza lill-poplu’.
Imamoglu kien fost aktar minn 100 persuna – politiċi, ġurnalisti u negozjanti – li fl-aħħar jiem inżammu mill-Pulizija bħala parti minn investigazzjoni speċifika. U s-Sindku ta’ Istanbul, waqt l-arrest formali, kien akkużat dwar ‘it-tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali, kif ukoll dwar rikatt, tixħim u ż-żamma illegali ta’ data personali, fost akkużi oħra’.
Il-prosekuturi, fl-istess ħin, iridu jakkużawh ukoll bħala ‘sostenitur ta’ grupp terroristiku’ iżda l-Qorti li qed tipproċessa lil Imamoglu qalet li dan mhux meqjus bħala neċessarju fl-istadju bikri tal-proċess.
Il-President Erdogan ilu jmexxi lit-Turkija għal 22 sena, kemm bħala Prim Ministru kif ukoll bħala President tat-Turkija. Madankollu, hu ma jistax jikkuntestaa għall-Presidenza fl-elezzjoni presidenzjali tal-2028 dment li hu ma jibdilx il-kostituzzjoni tal-pajjiż.
Sadanittant, il-Ministeru għall-Ġustizzja f’Ankara qed jikkritika lil kull min jorbot lil Erdogan ma’ xi kampanja ta’ ripressjoni fost l-insistenza li t-Turkija dejjem iddefendiet l-indipendenza tal-Ġudikatura.
L-aħħar protesti dwar l-arrest ta’ Imamoglu saru f’Istanbul, Ankara u Izmir, u meta kien hemm diversi konfronti vjolenti bejn id-dimostranti u l-Pulizija – b’mijiet jispiċċaw arrestati.
//= $special ?>