Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel – Finali: Hibernians jieħdu l-ewwel rebħa

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Luxol Sherries Estates………67

Hibernians……………………..69

(8-20)(20-21)(20-12)(19-16)

Hibernians ħarġu rebbieħa f’konfront bilanċjat sal-aħħar sekonda meta għelbu lil Luxol Sherries Estates 69-67 fl-ewwel finali tal-Kampjonat Bank of Valletta. Minkejja li Luxol reġgħu lura minn distakk ta’ 16-il punt fit-tieni sessjoni, Hibernians żammew il-kalma fil-mumenti deċiżivi biex żammew il-vantaġġ sal-aħħar. Id-duo ta’ Hibernians, Tederick Wolfe u Ivan Demcesen, kienu fundamentali f’din ir-rebħa.

Wolfe kien l-aktar player produttiv, b’26 punt, 14-il rebound u effiċjenza għolja mill-free throw line (75%). Demcesen, minn naħa l-oħra, ħareġ b’double-double b’16-il rebound u 11-il punt. Minn naħa ta’ Luxol, Caleb Jones Mccrary ipprova jżomm lil sħabu fil-logħba bi 18-il punt u 18-il rebound, però fl-aħħar sekondi wettaq turn-over kruċjali fejn seta’ qaleb ir-riżultat. Darron Howard ukoll kien ukoll protagonist bi 22 punt u 7 steals. Madanakollu, Luxol sofrew minn nuqqas ta’ preċiżjoni, partikolarment minn barra l-perimetru (7 suċċessi minn 34 tentattiv għal 20%). Hibernians ukoll kienu aktar effettivi mill-free throw line (82.6% kontra 61.5% ta’ Luxol) u l-players li daħlu minn fuq il-bank ipprovdew 13-il punt kontra s-7 ta’ Luxol.

Il-logħba bdiet b’mod dominanti għal Hibernians, li fetħu b’run ta’ 10-2 bil-punti ta’ Neil Cassar flimkien ma’ Wolfe u Demcesen. Wara basket minn Howard, Hibs żiedu l-vantaġġ tagħhom bi trippla ta’ Attard u punti minn James Agyeman. Luxol wieġbu b’żewġ baskets minn Mccrary, però Attard għamel trippla oħra biex Hibs temmew l-ewwel sessjoni 20-8 minn fuq.

Fit-tieni taqsima kien Miguel Mallia li fetaħ bi trippla għal Hibs għalkemm mal-ħin Luxol bdew inaqqsu d-distakk permezz ta’ Nathan Xuereb u trippli konsekuttivi minn Adam Azzopardi u Howard. Ir-reazzjoni ta’ Hibs ġiet bi break qasir ta’ 9-2 b’diversi free-throws fosthom ta’ Paul Attard u Wolfe. Eżatt ma’ tmiem it-taqsima, Vukassin Jandric għamel trippla għal Luxol biex il-vantaġġ ta’ Hibs niżel għal 13-il punt 41-28.

Wara l-intervall, kien hemm żewġ baskets fuq kull naħa qabel ma Luxol bdew rimonta bi break ta’ 11-0. Huma kellhom it-trippli minn Xuereb u Stefan Cappello u waslu sa basket ‘il bogħod 43-45. Baskets minn Wolfe u Demcesen taw ftit tan-nifs lil Hibs u għalkemm Luxol kellhom basket minn Howard u trippla ta’ Cappello, Hibs temmew il-perjodu 53-48 minn fuq.

Fl-aħħar sessjoni Luxol irnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs 53-53 wara minuta u nofs. Wolfe għamel ħames punti konsekuttivi, però għal darb’oħra Howard u Jandric għamlu l-iskor indaqs 60-60. Fl-aħħar ftit sekondi seħħ minn kollox fejn basket ta’ Mccrary fl-aħħar 23 sekonda għamel l-iskor 67-68. Hibs tilfu l-pusses fl-aħħar seba’ sekondi bi travelling dubjuż ferm imsaffar fuq Agyeman. Luxol ħadu time-out, iżda Mccrary tilef il-ballun taħt il-basket u l-partita għalqet bi free-throw minn tnejn ta’ Wolfe għal skor finali ta’ 69-67.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 22, A. Azzopardi 5, I. Azzopardi, V. Jandric 5, JP Schembri, N. Xuereb 9, N. Bukva 2, C. Jones Mccrary 18, M. Matijevic, S. Cappello 6, N. Djakovic.

Hibs: N. Cassar 6, T. Wolfe 26, P. Attard 2, L. Attard, L. Farrugia, V. Kustodija, A. Axiaq 6, M. Gouder 2, M. Attard 6, M. Mallia 3, J. Agyeman 7, I. Demcesen 11.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi