Colin Schembri
Starlites JSD…………………..55
Caffè Moak Luxol………..50
(17-13)(10-16)(14-11)(17-10)
Mument mill-aqwa bejn it-tielet u r-raba’ taqsima kien strumentali għal Starlites biex jiksbu t-tieni rebħa kontra Caffè Moak Luxol u b’hekk waslu fil-finali tal-kampjonat Mapfre MSV Life. Kien riżultat mill-aqwa għal players żgħażagħ ta’ Starlites kif ukoll għal coach tagħhom Peter Shoults fl-ewwel dehra tiegħu bħala coach tal-kbar.
Starlites kellhom tibdil sostanzjali mill-istaġun li għadda fejn tul l-istaġun introduċew diversi players ġodda fl-ogħla diviżjoni. Il-partita bdiet bl-ewwel ħames punti minn Michela Zammit Cordina u Makaila Napoleon. L-ewwel risposta ta’ Luxol ġiet minn trippla ta’ Brandy Huffhines, però Starlites baqgħu fuq quddiem b’aktar punti minn Zammit Cordina u Ylenia Bonnett. Wara punti minn Huffhines, Sarah Pace u Sarah Fenech Pace għal Luxol, Starlites kellhom żewġ trippli minn Napoleon u Zammit Cordina u temmew l-ewwel sessjoni minn fuq 17-13.
Fit-tieni perjodu kien hemm bidu tajjeb minn Luxol b’disa’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Pace u marru fuq quddiem 22-17. Mikela Riolo waqqfitilhom ir-run bi trippla, però punti minn Lisa Fenech Pace u trippla ta’ Josephine Diaby ħallew lil Luxol 4 minn fuq 28-24. Starlites kellhom il-freethrows ta’ Sasha Lecuyer u Riolo, però Luxol għalqu b’basket minn Anna Fenech Pace u daħlu jistrieħu basket minn fuq 29-27.
Wara l-intervall, Luxol għaddew minn mument tajjeb meta għamlu run ta’ 11-2 bil-punti ta’ Diaby u l-aħwa Fenech Pace biex marru disa’ punti minn fuq 40-31. Hawn, però, diversi players ta’ Luxol kellhom jinbidlu minħabba l-fouls fosthom Diaby u Huffhines. Starlites approfittaw meta għamlu run ta’ 10-0 b’diversi punti minn Napoleon flimkien ma’ Riolo u Zammit Cordina u qalbu l-iskor favurhom 41-40. Huma komplew fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni meta għamlu run ta’ 9-2 bi trippli minn Christina Curmi u Riolo biex baqgħu 8 minn fuq 50-42. Luxol ippruvaw jirkupraw bi trippla ta’ Vanya Baldacchio, però, Starlites baqgħu kalmi u u minkejja trippla oħra ta’ Diaby, Luxol ma rnexxilhomx isalvaw il-partita biex Starlites ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 55-50, rebħa li temmet ir-renju ta’ Luxol bħala champions u li tfisser li dan l-istaġun se jkollna champions ġodda.
Starlites JSD: S. Lecuyer 9, M. Riolo 9, C. Cilia 1, P. Riolo, M. Zammit Cordina 12, E. Degiorgio, M. Fenech, M. Napoleon 17, Y. Bonnett 4, F. Vella, Y. Ferrando, C. Curmi 3.
Caffè Moak Luxol: G. Carabott, S. Pace 9, L. Fenech Pace 3, M. Marmara, N. Vella, S. Fenech Pace 7, J. Diaby 18, B. Huffhines 7, V. Baldacchino 3, S. Sciberras, R. Naudi, A. Fenech Pace 3.
Referees: Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi, Nelson Da Silva
Betsson Depiro………….77
Hibernians………………..80
(23-16)(10-29)(16-19)(28-17)
Hibernians kellhom dik li tista’ titqies bħala l-aqwa wirja taħt it-tmexxija ta’ Charles Bonnici u għelbu lil Betsson Depiro 80-77 biex sfurzaw it-tielet partita fis-serje tas-semifinali. Il-partita kienet eċċitanti u minkejja li fit-tielet sessjoni Hibs fetħu vantaġġ massimu ta’ 17-il punt, Depiro rnexxielhom jirkupraw u jersqu viċin li jsalvaw il-partita fl-aħħar sekondi.
L-Amerikana ta’ Hibs Ashiala Jackson kellha wirja mill-aqwa bi 23 punt u 23 rebound kif ukoll Julija Dabic spiċċat b’double double b’20 punt u 10 rebounds. Maria Bonett u Steffi De Martino wkoll qasmu bejniethom 31 punt hekk kif Bonnici għamel biss bidla waħda tul il-partita kollha u ħalla l-istess ħames players fuq il-court.
Għal Depiro kien hemm 37 punt minn Janai Crooms u 23 oħra minn Kristy Galea, però ma kenux biżżejjed biex jieħdu r-rebħa li kienet twassalhom sal-finali. Depiro bdew b’run ta’ 10-0 b’żewġ trippli ta’ Galea u żewġ baskets ta’ Crooms. Hibs bdew inaqqsu d-distakk bil-punti ta’ Bonett u Andie Saliba però Crooms kompliet bil-punti flimkien ma’ Galea u Claire Ciantar u temmew l-ewwel sessjoni 23-16 minn fuq.
Hibs bdew ir-rimonta tagħhom fil-bidu tat-tieni sessjoni meta għamlu run ta’ 12-0. De Martino bdiet b’żewġ trippli u komplew Dabic u Jackson. Għal Depiro kien hemm risposta minn Ciantar u Crooms però Hibs komplew bil-punti ta’ Jackson bi trippla u oħrajn konsekuttivi minn Dabic. Galea wieġbet bi trippla għal Depiro, però Hibs kienu 45-33 minn fuq fit-tmiem it-taqsima.
Fit-tielet sessjoni iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Hibs żammew vantaġġ ta’ 11 -il punt 51-50. Hawn, Dabic għamlet sitt punti mingħajr risposta qabel ma Depiro għamlu break qasir ta’ 9-2. Hibs temmew is-sessjoni b’basket ta’ Dabic u trippla ta’ Jackson għal skor ta’ 63-49.
Fl-aħħar sessjoni, Depiro għamlu sforz qawwi biex isalvaw il-partita fejn kellhom it-trippli minn Galea u u naqqsu d-distakk għal 8 punti 59-67. De Martino wieġbet bi trippla flimkien ma’ basket ta’ Bonett u żammew lil Hibs b’vantaġġ b’figuri doppji. L-isforzi ta’ Depiro laħqu l-qofol tagħhom fl-aħħar sekondi fejn Hibs tilfu l-pussess tal-ballun għal darbtejn u trippla ta’ Galea fl-aħħar 22 sekonda wasslet lil Depiro sa punt ‘il bogħod 77-78. Hibs irnexxielhom iżommu l-pusses tal-ballun sal-aħħar u għalqu l-partita bil-free-throws ta’ De Martino u rebħu l-partita 80-77.
Betsson Depiro: N. Agius 2, J. Borg Xerri, J. Magri, J. Mallia, L. Sciberras 5, C. Ciantar 5, J. Borg 5, N. Borg, K. Galea 23, J. Borg Cardona, H. Farag, J. Crooms 37.
Hibs: M. Buhagiar, E. Farrugia. E. Cassar, A. Saliba 6, J. Abela, M. Bonnett 14, S. De Martino 17, K. Calleja, N. Farrugia, A. Jackson 23, K. Caruana, J. Dabic 20.
Referees: Miguel De Flavia, Wendell Lim, Andre Attard.
//= $special ?>