Internazzjonali

L-Ukrajna: Jiżdiedu l-vittmi ċivili waqt l-isparaturi tad-drones fuq Kiev

Ir-Russja, fl-aħħar sigħat, kompliet bl-attakki fuq iz-zoni ċivili tal-Ukrajna, b’numru ta’ nies, inkluż tfajjel, jitilfu ħajjithom fi Kiev, fost il-mewġa ta’ drones li qabbdu n-nirien fil-bini residenzjali.

Dan meta l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed iħeġġeġ lill-Alleati tal-Punent biex iżidu l-pressjoni fuq Moska u l-President Russu Vladimir Putin biex iwasslu għall-konklużjoni tal-gwerra wara aktar minn tliet snin ta’ dmija.

L-attakki fuq Kiev kienu l-aħħar azzjonijiet f’offensiva diretta fuq il-poplu Ukren u l-President Zelensky  sostna li jinħtieġu deċiżjonijiet u pressjoni ġdida fuq Moska biex dawn l-attakki ma jkomplux.

Hu sostna li l-offensiva fuq il-poplu Ukren saret realtà ta’ kuljum waqt li sejjaħ għal sanzjonijiet aktar effettivi fil-konfront tal-Kremlin. Dan fost referenza għall-‘parts’ manifatturati barra r-Russja u li qed jintużaw fl-armamenti tal-Kremlin. Armamenti mmirati kontinwament lejn l-Ukrajna.

Zelensky spjega li l-komunità internazzjonali teħtieġ telimina kull teknikalità li tippermetti biex ir-reġim Russu jiżgiċċa mis-sanzjonijiet imposti fuqu.

Dan meta l-uffiċjali tal-Ukrajna u tal-Istati Uniti, bħalissa, qed jiltaqgħu fl-Arabja Sawdija biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi fil-gwerra.

Fl-istess ħin, ir-Russja qed tħejji għal ‘taħditiet tekniċi diffiċli’ meta r-rappreżentanti tal-Kremlin, proprju għada, se jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Istati Uniti fil-kapitali Sawdi, Riyadh.

L-Ukrajna qed tinsisti biex tara t-tmiem għall-attakki tar-Russi fuq l-infrastruttura tal-enerġija fl-ibliet tal-Ukreni – b’Zelensky irid ukoll li l-Ukreni jieħdu lura l-kontroll ta’ arthom fejn, bħalissa, hemm preżenza qawwija tas-suldati tal-Kremlin.

Min-naħa tagħha, ir-Russja qed issejjaħ biex l-Ukrajna ma tingħatax aktar għajnuna militari minn barra u li tkompli tibbenefika mill-qsim tal-informazzjoni sigrieta mal-Istati Uniti.