Lokali

Mijiet ta’ xemgħat jixegħlu Pjazza San Ġorg għal Earth Hour

Ilbieraħ filgħaxija, mijiet ta’ persuni nġabru fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta biex jipparteċipaw f’attivitajiet li jimmarkaw Earth Hour, moviment ambjentali madwar id-dinja favur l-enerġija sostenibbli u l-għarfien dwar it-tibdil fil-klima.

Malta ngħaqdet għal darb’oħra ma’ aktar minn 190 pajjiż sabiex torganizza dan l-avveniment. Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ diversi stakeholders, bejn it-8.30pm u d-9.30pm, intfew landmarks u binjiet madwar Malta u Għawdex f’ġest kollettiv għal Earth Hour. Il-parteċipanti poġġew xemgħat quddiem il-Palazz tal-Gran Mastru, li jiffurmaw il-logo tal-avveniment Earth Hour ‘60’.

Din l-attivtà ssir bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima u l-użu responsabbli tal-enerġija u riżorsi oħra.

L-attivitajiet ta’ Earth Hour fil-Belt Valletta kienu jinkludu fost l-oħrajn marċ mill-banda tal-iscouts ta’ Bormla minn Pjazza Tritoni sa Pjazza San Ġorġ.

Bil-pubbliku kellu ċ-ċans li jgawdi minn proġezzjoni awdjoviżiva mal-faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru, fejn ġiet enfasizzata l-ħtieġa li nħarsu l-ambjent tagħna billi nkunu involuti b’mod attiv u napprezzaw l-ambjent ta’ madwarna.