Aktar fake news, manipulazzjoni politika biża’, u diskors dwar il-passat. Bil-Labour jispiċċa jdawwar l-attività tal-Ħadd filgħodu biex jitkellem dwar kif kienet l-ekonomija fis-seklu l-ieħor.
Dan kollu ħareġ mid-diskors ta’ Robert Abela fl-attività tal-Partit Laburista fl-Imtarfa, fejn irrepeta sensiela ta’ fake news u dikjarazzjonijiet bla bażi.
Fl-attività tal-Labour, Abela nfexx ixerred il-biża’ dwar il-politika barranija – tant li issa beda anke ibeżża’ bl-idea li Malta tista’ tissieħeb fl-alleanza militari tan-NATO; xi ħaġa li qalagħha minn żniedu.
Fil-fatt, waqt li Abela prova jqajjem dubji dwar in-newtralità, kien il-Kap tal-PN Bernard Grech li ressaq emendi importanti fi Brussel sabiex jissalvagwardja n-newtralità ta’ pajjiżna. Però, minkejja dawn il-fatti, Robert Abela baqa’ għaddej b’kampanja ta’ biża’ u negattività.
Apparti min hekk Robert Abela qed jibqa’ maqbud fl-inkonsistenzi – fejn f’Malta jgħid mod u fl-Ewropa jagħmel kompletament l-oppost. Tant li fl-attività tal-Labour spiċċa saħaq li pajjiżna m’għandux għalfejn jinvesti fis-sigurtà u d-difiża, anke jekk din il-ġimgħa stess ivvota favur investiment ta’ dan it-tip.
Robert Abela spiċċa jgħid li Malta m’għandix bżonn tinvesti fis-sigurtà u d-difiża tagħha; Prim Ministru li qed idawwar din it-tema sensittiva f’waħda partiġjana. U li kontinwament qed ikompli jxerred miżinformazzjoni.
Intant Abela spiċċa wkoll jirrepeti l-fake news dwar it-trasport pubbliku. Bil-Prim Ministru jisħaq li l-ebda pajjiż ieħor ma jipprovdi trasport b’xejn. Gidba oħra ta’ Robert Abela, minħabba li fil-Lussemburgu hemm l-istess sistema.
Tul din l-attività, il-kelliema komplew jiftaħru bl-ekonomija u nsew kompletament ir-realtajiet tan-nies li għadhom affettwati bil-piż tal-għoli tal-ħajja.
U għal siegħa sħiħa, il-Ministri u d-deputati tal-Gvern qagħdu jiftaħru bil-kisbiet tal-Perit Mintoff, u b’Jum il-Ħelsien.
//= $special ?>