Lokali

“Robert Abela qed ikompli jhedded il-pilastri tad-demokrazija” – PN

Għandu jikkjarifika immedjatament xi jrid jgħid meta jitkellem dwar riforma fil-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem


Wara li ħataf l-istituzzjonijiet, wara li ħataf ix-xandir pubbliku, wara li għaddej b’liġi biex inaqqas mid-dritt taċ-ċittadin li jitlob inkjesta maġisterjali, u wara li pprova jagħmel sarima ma’ ħalq l-Oppożizzjoni fil-Parlament, issa Robert Abela qed jgħidilna li jrid riforma fil-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Peress li għal Robert Abela, il-kelma “riforma” tfisser li jħott dak li jeżisti, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lil Abela biex immedjatament jispjega b’mod ċar xi jrid ifisser b’dan il-kliem. Il-Partit Laburista għandu jikkjarifika l-kummenti ta’ Robert Abela u jgħidilna xi jrid jgħid meta jirreferi għal riforma tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Robert Abela qed ikompli jhedded il-pilastri tad-demokrazija f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ viġilanti biex jiżgura li ma nitilfu xejn mid-drittijiet fundamentali li nkisbu matul is-snin, u se jibqa’ jkun difensur ta’ dawn id-drittijiet.

Ħadd ma għandu jilgħab mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li ngawdu f’pajjiżna.