Futbol Sport

Dopjetta ta’ Swiderski tagħti r-rebħa lill-Polonja fuq Malta

(Ritratt: MFA)

POLONJA……………..2

MALTA………………….0

Polonja: L.Skorupski, K.Platkowski, J.Bednarek (M.Wieteska 46’), J.Kwior, P.Frankowski (M.Cash 66’), S.Szymanski, J.Moder, M.Bogusz (B.Slisz 46’), J.Karminski (B.Bereszynski 87’), K.Swiderski, K.Piatek (R.Lewandowski 66’)

Malta: H.Bonello, Z.Muscat (B.Tuma 58’), J.Carragher, E.Pepe (J.Borg 83’), T.Teuma, M.Guillaumier, J.Mbong (A.Magri Overand 66’), R.Camenzuli, A.Satariano (C.Zammit Lonardelli 58’), Y.Chouaref, P.Mbong (K.Nwoko 46’)

Imwissija: P.Frankowski 45’, B.Slisz 65’ (P), Z.Muscat 18’, B.Tuma 69’, Y.Chouaref 74’

Skorjaw: K.Swiderski 27’, 51’ (P)

Tkeċċa: Y.Chouaref

Referee: Morten Krogh (Danimarka)

Il-Polonja għelbu lil Malta permezz ta’ dopjetta tal-attakkant Karol Swiderski li jilgħab ma’ Panathinaikos fil-Greċja.

Kienet partita pjuttost iddominata mill-Pollakki, bil-Maltin ikollhom l-aħjar ċansijiet minn xuttijiet minn barra l-kaxxa.

Il-Polonja bdew fuq l-attakk minnufih hekk kif tliet minuti mill-bidu tal-partita Kaminski diġà jkun perikoluż mix-xellug b’xutt tajjeb li jgħaddi ftit barra.

Malta tirrispondi fis-6 minuta minn Ilyas Chouref b’xutt minn barra l-kaxxa li jgħaddi ftit barra fuq in-naħa tal-lemin, bil-Pollakki lura fl-attakk fl-10 minuta din id-darba b’daqqa ta’ ras ta’ Swiderski li wkoll tgħaddi barra mill-kross ta’ Frankowski mil-lemin.

Fis-17-il minuta jkun Jan Bednarek li jittanta xortih lejn ix-xibka b’daqqa ta’ ras, madankollu Bonello jsalva tajjeb.

Għaxar minuti wara Swiderski jsib ix-xibka b’xutt mill-viċin wara li d-difiża Maltija ma rnexxiliex teħles mill-periklu bis-suġġeriment jasal minn Piatek.

James Carragher jittanta xortih b’xutt potenti minn barra l-kaxxa fis-37 minuta, madankollu Skorpuski jsalva mingħajr ebda diffikultà.

L-ewwel taqsima tispiċċa 1-0 għall-Polonja.

Il-Pollakki jkomplu l-attakki tagħhom anke fit-tieni taqsima u ma jdumux ma jsibu t-tieni ballun hekk kif Karol Swiderski għal darb’oħra jixħet fix-xibka, din id-darba b’xutt tajjeb minn barra l-kaxxa minn assist ta’ Moder.

L-istess Moder ikollu ċans li jkabbar il-vantaġġ 5 minuti wara madankollu bix-xutt tiegħu huwa ma jsibx il-lasta mid-distanza.

Il-Maltin spiċċaw il-partita b’għaxar plejers hekk kif Ilyas Chouaref intwera t-tieni karta safra tiegħu fil-91 minuta.