Noel D’Anastas
Nhar il-Ħamis li ġej, 27 ta’ Marzu jitla’ s-separju tal-ħames edizzjoni tal-akbar manifest mużikali li jagħti pjattaforma lill-artist lokali u li jiċċelebra l-mużika Maltija – Mużika Mużika. L-appuntament huwa għall-MFCC bil-finali jsir is-Sibt. Bla dubju, hemm stennija kbira għal-lejla tal-klassiċi, lejla li terġa’ tnissel tant memorji ħelwin.
Sa ftit tas-snin ilu konna noħolmu li jerġa’ jkollna festival li jagħti ġieħ lill-kanzunetta Maltija. Stennejna għal diversi snin biex wasal Mużika Mużika, il-festival prestiġjuż li jixraq lit-talent mużikali Malti, ċelebrazzjoni tal-ilsien Malti fil-kanzunetta u spettaklu mużikali fl-aqwa tiegħu.
Issa Mużika Mużika jinsab fil-ħames sena tiegħu u minn sena għal oħra l-livell dejjem jikber u jpaxxi lis-segwaċi li dejjem qed jiżdiedu. Tieħu gost tara l-ġenerazzjoni żagħżugħa tapprezza l-kanzunetta bil-Malti, wisq aktar titpaxxa bl-interpretazzjonijiet ta’ kanzunetti tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom, kanzunetti li jitqiesu klassiċi fir-repertorju Malti.
Hemm palk maestuż jistenna l-artisti li se jinterpretaw is-16-il kanzunetta, kif ukoll oħrajn li se jkunu l-attrazzjoni tal-lejla tal-klassiċi. Magħhom l-artisti mistiedna, il-pjattaforma li se tpaxxi lil dawk li se jkunu hemm kif ukoll dawk li se jsegwu permezz ta’ TVM f’xandira diretta.
Dan huwa wieħed mill-akbar festivals fil-portafoll ta’ Festivals Malta li jinkludi madwar 150 tekniku u professjonist li matul dawn il-ġimgħat ħadmu bis-sħiħ biex iwasslu dan il-festival fl-għola kwalità li jixraqlu.
Fl-ewwel serata ta’ nhar il-Ħamis, se jiġu interpretati 16-il kanzunetta li jiġu vvutati minn ġurija preżenti fis-sala kif ukoll mill-vot tal-udjenza preżenti fis-sala. Dan se jkun qed jissejjaħ il-Vot tas-Sala fejn il-pubbliku preżenti se jintalab iniżżel app li minnha jkun jista’ jissottometti l-vot tiegħu. Dawn il-voti ser jinġabru biex jingħaddu mal-kumplament tal-voti tas-Sibt.
It-tieni serata tkun riservata għall-kanzunetti klassiċi. Il-kantanti kollha ser jinterpretaw kanzunetti popolari Maltin, fi dwetti ma’ kantanti mistiedna. Dan kollu għad-diskrezzjoni tal-produzzjoni eżekuttiva. Is-serata finali, dik tas-Sibt se jiġu interpretati s-16-il kanzunetta. Ir-riżultat finali jkun kompost mill-voti tal-ġurija tas-serati tal-Ħamis u tas-Sibt flimkien mal-vot tal-udjenza preżenti fis-sala waqt is-serata tal-Ħamis u l-vot tal-pubbliku ġenerali tas-Sibt. Jitħabbru l-kanzunetti rebbieħa fl-ewwel, it-tieni, u t-tielet post, kif ukoll jingħataw premjijiet għall-aħjar interpretazzjoni u l-aħjar arranġament mużikali.
Din is-sena se jkun hemm diversi kanzunetti oriġinali tal-ogħla kwalità, versatili li se jkollhom interpretazzjoni minn artisti bravi, uħud minhom se jkunu qed jiddebuttaw f’din l-edizzjoni. Mużika Mużika 2025 se jara wkoll għadd ta’ artisti magħrufa jew ukoll li daqu s-suċċess fl-edizzjonijiet preċidenti. Bla dubju, l-orkestra live bis-sehem ta’ mużiċisti mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se terġa’ tispikka bil-kwalità u l-ħoss.
Mistiedna
Fis-serata tal-klassiċi, il-palk tal-MFCC se jilqa’ lil bosta kantanti ta’ fama b’tant suċċess. Il-mistiedna se jkunu Leontine, Frank O’Neill, Eleanor Cassar, Joe Carr, Annalise Sciberras, Klinsmann, Catherine Vigar, Federica Falzon, Thea Garrett, Augusto Cardinali, The New Victorians, Amber, Hermann Bonaci, l-aħwa Luisana, Nadine u Charlotte Bartolo – ulied il-mibki Sammy Bartolo, Mary Spiteri, u Fabrizio Faniello.
Fis-serata finali se jiġu fostna The Tenors li huma artisti ta’ fama mondjali magħrufa għall-vuċijiet mill-isbaħ tagħhom. Bi stil li jgħaqqad il-klassiku mal-pop, folk u r-rock, The Tenors huma magħrufa sew għall-interpretazzjoni differenti ta’ kanzunetti klassiċi li jwasslu, fosthom “The Prayer”, “Nessun Dorma”, “Forever Young”, u “Hallelujah”.
Mużika Mużika se jkun preżentat minn Keith Demicoli, Taryn Mamo Cefai, Clare Agius u Moira Delia.




Għal aktar tagħrif ara www.muzikamuzika.mt. Mużika Mużika huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Kanzunetta | Artist/a | Kompożitur | Awtur |
Aħjar | Lisa Gauci | Philip Vella | Emil Calleja Bayliss |
Festa | Hannah | Philippa Naudi/Bettina Muchmore | Philippa Naudi/Bettina Muchmore/Lara AGius |
Fuq! | MARA | Philip Vella | Joe Julian Farrugia |
Ġenna fl-Art | Cliff Zammit Stevens | Philip Vella | Joe Julian Farrugia |
Għadna Ngħoddu | Daniel Cauchi | Daniel Cauchi | Michael Spagnol |
Għatxan | Marilyn Aquilina | Marilyn Aquilina | Marilyn Aquilina |
Ħsibijiet | Kapitlu Tlettax, Liston u Ema | Joseph Mario Calleja/Liston Bongailas/Edward Magri/Cyprian Cassar | Joseph Mario Calleja/Liston Bongailas/Emil Calleja Bayliss |
Int Kollox Għalija | Kersten Graham | Kersten Graham | Kersten Graham |
L-Imħabba Verità | Jasmine Abela | Chan Vella | Philip Vella |
Mill-Qalb | Gaia | Cyprian Cassar/Gaia Cauchi | Emil Calleja Bayliss |
Perfett | Pamela Bezzina | Pamela Bezzina | Pamela Bezzina |
Stajna Konna Aħna | Jamie Cardona | Jamie Cardona/Aleandro Spiteri Monsigneur/Shaun Farrugia | Jamie Cardona/Aleandro Spiteri Monsigneur |
Stennieni Ġej | Janvil ft.Garison | Edward Abela u Janvil | Janvil |
Supereroj | Claudia Faniello | Glen Vella | Philip Vella/Claudia Faniello |
Tagħna t-Tnejn | Ryan Hili | Cyprian Cassar | Ryan Hili/Sarah Bonnici |
Tiegħek Jien | Brooke | Cyprian Cassar/Brooke Borg | Emil Calleja Bayliss |