Ekonomija Lokali

FINANZI TAL-GVERN: Minn surplus issa erġajna spiċċajna f’deficit

Id-dejn tal-pajjiż qed imiss kważi 11-il biljun ewro

Statistika uffiċjali maħruġa mill-Gvern stess tindika li fi tmiem Frar, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €95.0 miljun. Meta mqabblin mas-sena taʼ qabel, id-dħul rikorrenti niżel bʼ€103.8 miljun, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€142.6 miljun. Iż-żieda fin-nefqa flimkien mat-tnaqqis fid-dħul wasslu biex kien hemm bidla negattiva taʼ €246.4 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern.

Skont l-NSO, l-akbar tnaqqis fid-dħul ġie mit-Taxxa tad-Dħul (€179.0 miljun), filwaqt li l-Programmi u Inizjattivi (€63.3 miljun) irrappurtaw l-akbar żieda fost il-kategoriji tan-nefqa.

Sa tmiem Frar, id-dejn kollu tal-Gvern Ċentrali kien jgħodd €10,935.2 miljun – €859.1 miljun aktar mill-istess xahar fl-2024. Fi kliem sempliċi, dan ifisser li d-dejn tal-pajjiż issa laħħaq il-11-il biljun ewro.