Internazzjonali

Gaza: Kap tal-Ħamas maqtul fl-isptar waqt rejd tal-Iżraeljani

Kap ewlieni tal-grupp Ħamas spiċċa maqtul meta l-missili sparati mill-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael laqtu l-Isptar ta’ Nasser f’Gaza. Dan meta l-istaff u nies oħrajn fid-dipartiment tal-Isptar li ġarrab il-qilla ta’ dan l-attakk spiċċaw evakwati minħabba li l-missili qerdu parti kbira tal-kumpless.

Il-Kap tal-Ħamas inkwistjoni kien identifikat bħala Ismail Barhoum, li kien jieħu ħsieb il-finanzi tal-grupp terroristiku Palestinjan – b’Iżrael qed itenni li l-attakk kien ippjanat biex jolqot biss ‘lit-terroristi’ li jingħad qed jokkupaw xi setturi ta’ dik il-faċilità medika fil-belt ta’ Khan Younis.

Mifhum li Barhoum kien rikoverat l-isptar wara li spiċċa ferut waqt attakk mill-ajru ieħor tal-Iżraeljani li seħħ f’nofs il-ġimgħa li għaddiet.

Il-kelliema għall-militar Iżraeljan qalu li l-azzjoni bbażat fuq proċess estensiv għall-ġbir ta’ informazzjoni u li l-qawwiet tal-ajru kienu użaw is-sistemi tal-munizzjon preċiżi biex jimminimizzaw kemm jistgħu l-potenzjal għall-vittmi innoċenti.

Iżda l-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, li hu mmexxi mill-Ħamas, qal li fl-azzjoni ndarbu ħafna membri tal-istaff mediku. Dan fost ir-rapporti dwar ‘għexieren ta’ mejtin ġodda’ f’Gaza waqt l-azzjonijiet tal-militar Iżraeljan fuq perjodu ta’ 24 siegħa.

Dan meta nqatlu ‘l fuq minn 800 Palestinjan – ċivili u membri tal-Ħamas – mindu l-Iżraeljani reġgħu bdew il-kampanja militari kontra Gaza, fit-18 ta’ Marzu.

Sadanittant, il-Pulizija Iżraeljana fix-Xatt tal-Punent qalu li attakk li seħħ sigħat ilu f’salib it-toroq, viċin il-belt ta’ Haifa, kellu jitqies bħala azzjoni terroristika.

L-azzjoni seħħet meta Palestinjan saq il-vettura tiegħu direttament għal fuq zona fejn in-nies kienu qed jistennew għall-karozzi tal-linja – u bir-raġel, imbagħad, jaggredixxi lin-nies fl-inħawi b’sikkina.

L-aggressur anki fetaħ in-nar fuq il-persuni li nzerta quddiemu qabel inqatel mill-pulizija armati u t-truppi li marru fil-post biex jikkonfrontawh. Fl-azzjoni, tilef ħajtu anzjan ta’ 75 sena waqt li suldat spiċċa midrub mir-raġel armat.