Kien għall-ħabta tas-sagħtejn tat-Tnejn filgħodu, meta ċedew żewġ gallariji fil-Qawra; każ li seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar gravi.
L-inċident seħħ fi Triq Imrejkba meta gallarija li tinsab fir-raba’ sular ċediet bil-konsegwenza li ġġarrfet il-gallarija tat-tielet sular. Dan filwaqt li kien hemm gallarija oħra li ġarrbet ħsarat estensivi.

Il-blokka tal-appartamenti tinsab fuq stabbiliment ferm popolari fil-Qawra fejn fil-ħin tal-inċident kien hemm żewġ ħaddiema li kienu qegħdin fuq ġewwa jnaddfu. Ingħad li kieku l-inċident seħħ sagħtejn qabel jew fl-eqqel tal-weekend, l-inċident kien ikun ferm aktar serju.

Informazzjoni li kiseb Net News tindika li n-nies li jgħixu f’din il-blokka li nbniet fis-snin tmenin ġew evakwati sakemm ikun hemm konferma li l-binja hija sigura. Fortunatament, it-tiġrif tal-gallariji ma ħalla ebda persuni feruti.
Jirriżulta li biswit din il-blokka ta’ appartamenti hemm sit ta’ kostruzzjoni, però għadu ma kien hemm l-ebda konferma li t-tiġrif tal-gallariji huwa relatat max-xogħol li kien għaddej. Madankollu, kaġun tal-inċident ix-xogħol fil-binja twaqqaf minnufih sakemm isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.
Fil-fatt, il-każ issa jinsab f’idejn l-OHSA u l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.
Intant, ftit tax-xhur ilu kienet ċediet gallarija oħra f’San Pawl il-Baħar fejn anke f’dan il-każ b’xorti tajba ħadd ma kien weġġa’.
//= $special ?>