Skont l-aħħar indiċi tad-demokrazija, il-Gvern Malti qed imexxi demokrazija staġnata b’numru ta’ nuqqassijiet; fatt li ilna bih tul dawm l-aħħar snin taħt amministrazzjoni Laburista.
Dan qegħdin jixhduh ċifri internazzjonali… liema numri baqgħu ta’ li huma minn sena għal oħra, migħajr ebda titjib.
Fl-indiċi, Malta telgħet pożizzjoni waħda mill-2023 għall-2024 mhux għax il-Gvern tejjeb in-numri, iżda għax niżel ‘l isfel iċ-Ċili, bil-Gvern jikklassifika fost oħrajn taħt it-Tajwan, il-Mawritanja u l-Kosta Rica.
It-Tnejn waranofsinhar Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti jinkwetahx il-fatt li pajjiżna taħt amministrazzjoni Laburista mhux qed jara titjib, bl-indiċi tad-demokrazija sa qabel ma faqqa’ l-ġlied fil-Lvant Nofsani kien qed ipoġġi demokratikament aħjar lill-Iżrael taħt Benjamin Netanyahu.
Madanakollu, għal Azzopardi Tanti jidher li mhux jinkwetah li l-Gvern qed jiġi kklassifikat f’din il-pożizzjoni. U spiċċa jmexxi dak li qed jiġi deskritt bl-ingliż bħala, a flawed democracy.
Fost il-kriterji li pajjiżna qed ibati fihom f’dawn l-indiċi huma l-funzjonijiet tal-Gvern, it-trasparenza u l-kontabbiltà tal-membri tal-Kabinett. Fost oħrajn, ma’ lista ta’ skandli, misteri u intriċċi issa żdied il-fatt li l-Prim Minsitru Robert Abela ma jridx jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-membri tal-Kabinett.
Minkejja l-appelli ta’ bosta – inkluż tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika – biex Abela jqiegħed fuq il-mejda dawn id-dikjarazzjonijiet partikolari bħalma kien isir sena wara oħra – il-Prim Ministru ma jridx. U qed jgħid li se jressaq emendi għal kif isiru d-dikjarazzjonijiet.
Deċiżjoni li s’issa qed tmur għalkollox kontra l-prinċipji bażiċi tal-governanza tajba.
F’dak li għandu x’jaqsam dikjarazzjonijiet tal-assi hemm tnejn: tal-Membri Parlamentari, ċioè tal-Leġiżlattiv, u tal-Kabinett – tal-Eżekuttiv. Dikjarazzjonijijet li jvarjaw minn xulxin b’mod sostanzjali; dikjarazzjoni li l-aktar waħda dettaljata minnhom għal xi raġuni jew oħra Robert Abela ma jridx li jippubblika.
//= $special ?>