Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli ma weġbitx mistoqsijiet parlamentari dwar min huma l-konsulenti tal-ministru u kemm dawn qed jitħallsu.
Kien id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina li għamel mistoqsijiet parlamentari biex il-Ministru Farrugia Portelli tpoġġi l-informazzzjoni dwar min huma l-konsulenti tal-ministeru u kemm qed jitħallsu għal kull xogħol li jagħmlu.
Hu staqsa lill-Ministru Farrugia Portelli biex tgħid kemm kienet l-ispiża għall-ingaġġar ta’ konsulenti mill-ministeru tagħha, xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi; min kienu dawn il-konsulenti; xi kwalifiki għandhom; x’inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għal kull servizz ta’ konsulenza li ta’ kif il-konsulenti ngħataw dan ix-xogħol u jekk hux permezz ta’ direct order jew tender.
Minkejja d-diversi mistoqsijiet parlamentari ripetuti mid-deputat Nazzjonalista, il-Ministru Farrugia Portelli baqgħet twieġeb biss li dawn kienu ingaġġati skont il-manwal li bih il-konsulenti jkunu ngaġġati.
Dan in-nuqqas ta’ tweġiba mill-Ministru Farrugia Portelli hu f’linja mal-istrateġija tal-gvern u l-ministri tiegħu li ma jridux jiżvelaw min huma l-konsulenti tal-gvern u l-awtoritajiet tiegħu. Hu evidenti li l-gvern qed ikun skomdu jwieġeb dawn il-mistoqsijiet dwar min huma l-konsulenti u kemm qed jitħallsu.
//= $special ?>