Il-Partit Nazzjonalista jopponi b’qawwa l-emendi li jagħtu poter eċċessiv lill-Prim Ministru fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku – dak li huwa magħruf bħala public procurement – u jinsisti fuq governanza tajba, trasparenza, u imparzjalità fil-proċeduri.
Huwa ċar li l-bidliet riċenti fil-liġi saru biss biex jagħtu kontroll akbar lill-Prim Ministru fuq appelli minn deċiżjonijiet biex jiġu assenjati kuntratti lil dawk qrib il-Partit Laburista. Fost l-oħrajn, il-Prim Ministru qed jingħata aktar poteri biex jagħżel hu lil min ipoġġi fuq il-Public Contracts Review Board (PCRB), li huwa l-bord li jirrevedi deċiżjonijiet relatati mal-public procurement.
Eżempju ċar ta’ dan diġà rajnieh bil-ħatra ta’ Richard Matrenza, persuna qrib sew tal-Partit Laburista, bħala wieħed mill-membri suppost indipendenti li se jkunu responsabbli mid-deċiżjonijiet dwar appelli relatati ma’ kuntratti pubbliċi li ħafna drabi jkunu jammontaw għal miljuni ta’ ewro.
Fid-dawl ta’ dan, l-Oppożizzjoni ressqet Mozzjoni quddiem il-Parlament biex jitħassru l-emendi introdotti mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, li jagħtu lill-Prim Ministru poter sproporzjonat biex jinfluwenza direttament il-kompożizzjoni ta’ dan il-bord. F’isem l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Mozzjoni tressqet quddiem il-Parlament mid-Deputati tal-PN Claudette Buttigieg, Rebekah Borg u Adrian Delia.
L-akkwist pubbliku huwa l-proċess li bih il-Gvern juża fondi pubbliċi biex jixtri prodotti, servizzi jew xogħlijiet mingħand il-privat, bħal fil-każ ta’ kuntratti għall-kostruzzjoni, tiswijiet, jew provvisti għal entitajiet pubbliċi.
Dawn l-emendi, imħabbra permezz tal-Avviż Legali 47 tal-2025, ġew implimentati bil-moħbi u mingħajr l-ebda konsultazzjoni pubblika, kif irrappurtat mill-midja, u jagħtu wkoll lill-Prim Ministru diskrezzjoni bla limitu biex jaħtar membri permanenti addizzjonali fuq il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi (PCRB), bil-possibbiltà ta’ sostituzzjoni bla limitazzjonijiet. Dan il-pass iġib miegħu riskju għoli ta’ manipulazzjoni politika, trattament preferenzjali, u korruzzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar fil-każ riċenti tal-inċineratur tal-iskart fejn il-Qorti esprimiet b’mod ċar it-tħassib tagħha dwar kunflitti ta’ interess fil-Bord ta’ Reviżjoni, fejn anke ordnat li l-proċess jibda mill-ġdid. Minkejja dan, il-Gvern Laburista għażel li jinjoraha u kompla bl-għoti tas-sejħa lill-istess konsorzju, u b’hekk wera b’mod ċar il-perikli ta’ emendi bħal dawn.
Il-Qorti stess saħqet li l-akkwist pubbliku huwa wieħed mill-aktar oqsma vulnerabbli għall-ħela, abbuż, frodi u korruzzjoni. Issa qed naraw kif il-Gvern qed isaħħaħ il-kontroll personali fuq il-proċess kollu tal-appelli għall-kuntratti pubbliċi, filwaqt li jnaqqar mill-kapaċità tal-Bord li jaġixxi b’mod indipendenti.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li minflok emendi li jikkompromettu l-indipendenza tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi, għandhom jiddaħħlu bidliet li jsaħħu l-awtonomija u l-imparzjalità tiegħu, biex tkun assigurata l-integrità tal-proċess tal-għoti tal-offerti pubbliċi.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jiddefendi l-interessi tal-poplu Malti billi jipproteġi t-trasparenza u l-ġustizzja fl-użu tal-fondi pubbliċi
//= $special ?>