Lokali

“Ilna xahar f’din is-sitwazzjoni” – Residenti f’Ħal Kirkop jappellaw biex jisimgħuhom

Ilna f’din is-sitwazzjoni xahar sħiħ – għandna l-vetturi maqbudin fil-garaxxijiet u ma nistgħu nagħmlu xejn.

Dan huwa dak li qalulna r-residenti ta’ Triq il-Kbira, f’Ħal Kirkop, wara li xahar ilu ngħata bidu għal xogħol li fih suppost kellhom jgħaddu cable tal-elettriku mit-triq ta’ wara l-knisja; xogħol li suppost kellu jġebbed sa massimu ta’ ġimagħtejn.

Madanakollu dan ix-xogħol mhux talli ilu għaddej għal aktar minn ħmistax-il jum iżda ilu kważi xahar sħiħ, b’sorsi jisħqu li saħansitra qed jinstabu xi problemi bid-drenaġġ taz-zona għall-inkonvenjenza qawwija tar-residenti u l-familji tat-triq.

Net News jista’ jikkonferma li fl-istess waqt li beda jsir ix-xogħol, instabu xi shelters li b’mod mill-aktar inevitabbli xeħet lura l-istess ħidma għal aktar inkonvenjent għar-residenti – bl-istudji u l-investigazzjonijiet meħtieġa jinsabu għaddejjin ġmielhom.

Intant, din il-kamra tal-aħbarijiet hija infurmata li numru ta’ persuni appellaw lill-kuntrattur biex iqiegħdilhom pjanċi apposta u siguri biex ikunu jistgħu joħorġu l-vetturi tagħhom mill-garaxxijiet li preżentament jinsabu midfuna għalkollox wara l-ħadid.

Madanakollu r-risposta kienet għalkollox fin-negattiv, bit-triq mitluqa għalkollox qalb it-tifrik, tkissir u makkinarju  fin-nofs.

Din hija s-sitwazzjoni li bħalissa l-familji f’din it-triq jinsabu fiha, bl-appell ikun biex forsi b’aktar koordinament ma jispiċċawx bil-vetturi tagħhom maqbudin fuq ġewwa – jew sfurzati jħalluhom barra. Dan filwaqt li appellaw lill-awtoritajiet Governattivi u lis-Sindku ta’ Ħal Kirkop biex tal-inqas ituhom l-attenzjoni meħtieġa u jwieġbu l-ilmenti tagħhom.