Lokali Parlament

Is-settur tas-CSPs: Governanza b’saħħitha m’għandhiex tfisser burokrazija żejda


Jerome Caruana Cilia, PN


Governanza b’saħħitha tal-kumpaniji li joperaw fis-settur finanzjarju hija kruċjali biex jissaħħaħ dan il-qasam f’pajjiżna, iżda dan m’għandux iwassal għal burokrazija żejda li tnaffar investiment ta’ kwalità.

Dan sostnih ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia waqt dibattitu Parlamentari li fih kien diskuss abbozz ta’ Liġi sabiex jiġi emendat l-Att dwar il-Company Service Providers li għandu l-għan li jsaħħaħ il-qafas regolatorju applikabbli għal kumpaniji li jipprovdu servizzi varji lill-kumpaniji f’pajjiżna.

Waqt id-diskors tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Caruana Cilia tkellem fid-dettall ukoll dwar il-ġlieda importanti kontra l-ħasil ta’ flus u tkellem dwar kif dan il-qasam jista’ jiġi regolat aħjar biex is-settur ikun wieħed b’saħħtu u attraenti għal investiment ta’ kwalità.

L-Oppożizzjoni, konxja tal-ħtieġa ta’ kunsens fil-qasam finanzjarju, se tkun qed tivvota favur dan l-abbozz, iżda ressqet numru ta’ punti biex jissaħħaħ u jkunu ċċarati elementi minnu.

Ix-Shadow Minsiter għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia qal li l-Oppożizzjoni taqbel mar-reviżjonijiet proposti għall-qafas legali u regolatorju li jintroduċu żewġ kunċetti ġodda ta’ reġistrazzjoni u notifika, kif ukoll mal-ħolqien ta’ Rulebook speċifiku għal persuni reġistrati.

Fost l-oħrajn, ix-Shadow Minister Nazzjonalista appella għal distinzjoni iktar ċara bejn ir-rwol ta’ direttur u ta’ company secretary, kif ukoll biex ma jitpoġġewx rekwiżiti eċċessivi fuq ċertu CSPs, biex ma jkomplix jonqos in-numru ta’ persuni kompetenti u li huma disponibbli biex jipprovdu dawn it-tip ta’ servizzi.

Waqt id-diskors tiegħu, id-deputat Nazzjonalista rringrazzja numru ta’ stakeholders importanti f’dan is-settur, fosthom l-Institute of Financial Services Practitioners, il-Malta Institute of Accountants u l-Malta Institute of Taxation, kif ukoll entitajiet governattivi bħall-MFSA, l-FIAU u l-MBR, kif ukoll lil bosta ħaddiema u professjonisti f’dan is-settur.

Fil-konklużjoni tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia appella biex tissaħħaħ il-kultura ta’ corporate governance f’dan is-settur, filwaqt li fakkar li għandu jkun hemm bilanċ, biex is-settur jiqba’ wieħed kompetittiv.

“Flimkien nistgħu naraw li dan is-settur ikompli jissaħħaħ u jikber, biex noħolqu xogħol ta’ kwalità b’pagi tajbin li jrendu”, temm jgħid ix-Shadow Minister Jerome Caruana Cilia.