Internazzjonali

It-Turkija: Il-Gvern jikkundanna ‘t-terroriżmu fit-toroq’ waqt li aktar Torok qed iqumu kontra l-awtokrazija ta’ Erdogan

Il-Gvern tat-Turkija, fl-aħħar sigħat, ikkonferma li tal-anqas 1,150 persuna spiċċaw arrestati f’ħamest ijiem ta’ protesti madwar il-pajjiż. Is-sitwazzjoni li fiha, il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, qed jiffaċċja l-akbar sfida diretta f’aktar minn 20 sena ta’ tmexxija.

Il-protesti bdew meta s-Sindku ta’ Istanbul, Ekrem Imamoglu, inżamm taħt arrest fuq akkużi ta’ korruzzjoni u allegat ‘aġir biex jiddistabbilizza lill-pajjiż’ – bir-residenti tal-belt, l-istess bħal residenti oħrajn fi bliet bħal Ankara u Izmir, jingħaqdu f’dimostrazzjonijiet popolari kontra ‘l-inġustizzja’.

Sadanittant, Erdogan u l-Gvern tiegħu qed iwissu lit-Torok li ‘l-awtoritajiet mhumiex se jittolleraw it-terroriżmu fit-toroq’ – u fost l-istqarrijiet li n-nies qed jabbużaw mid-dritt tal-protesta.

Iżda s-sinjali huma ċari li dejjem aktar Torok huma mxebbgħin bis-snin ta’ awtokrazija minn Erdogan u sħabu fil-Kabinett u meta jinsabu inkwetati wkoll dwar il-futur tal-ġenerazzjonijiet ġodda tat-Torok f’każ li l-pajjiż jibqa’ maħkum mill-klima ta’ ripressjoni u intolleranza.

Min-naħa tiegħu, Imamoglu qed jgħid li l-akkużi kontra tiegħu huma motivati minn skop politiku – bil-Gvern ta’ Erdogan jiċħad li dan hu minnu. Hu ċert, intant, li s-Sindku ta’ Istanbul irid jgħaddi minn proċess tal-liġi li skont ħafna Torok jirrifletti l-arja ta’ oppressjoni kontinwa mit-tmexxija Torka.

Sadanittant – u bi sfida diretta lil Erdogan – il-Partit tal-Poplu Repubblikan (CHP), li hu l-akbar partit tal-Oppożizzjoni, ikkonferma lil Ekrem Imamoglu bħala l-kandidat uffiċjali tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali tal-2028 u irrispettivament mill-fatt li hu kien qed jinżamm taħt arrest.

Id-deċiżjoni segwiet il-vot simboliku tal-Ħadd u li fih ipparteċipaw madwar 15-il miljun Tork – iżda hu minnu wkoll li l-intoppi li qed jiffaċċja Imamoglu huma kbar u kumplikati.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-uffiċjali mal-partit ta’ Imamoglu qalu li mhumiex se jaċċettaw xi ‘demokrazija finta’ fit-Turkija u fost l-insistenza dwar l-importanza li l-poplu jibqa’ jiġġieled għad-demokrazija.

Dawn l-uffiċjali u dejjem aktar Torok jemmnu li l-akkużi dwar ‘korruzzjoni u sostenn għat-terrur’ fil-konfront ta’ Imamoglu huma xempju tal-biża’ li għandhom Erdogan u l-partit tiegħu dwar kif il-poplu għandu jivvota waqt l-elezzjonijiet li jmiss għall-Presidenza.

Fl-istess ħin, il-Partit CHP sostna li jrid li l-elezzjonijiet nazzjonali jsiru ‘issa’ peress li l-protesti tal-massa qegħdin juru li l-pubbliku Tork irid jara pajjiżu jibdel id-direzzjoni – kuntrarju għal li jrid Erdogan.

Intant, il-Ministeru Tork għall-Intern kompla jwissi biex id-dimostranti fit-toroq ma jiksrux l-ordni pubblika. U minkejja li d-dimostrazzjonijiet, s’issa, kienu fil-parti kbira paċifiċi, ir-rallies tal-Ħadd bil-lejl kienu partikularment rabbjużi’ fost il-konfronti bejn il-pulizija u d-dimostranti f’Istanbul.

Dan meta l-Pulizija f’Istanbul sparaw il-kanuni tal-ilma u l-pepper spray fuq ir-ringieli tad-dimostranti li kienu qed jgħajtu s-slogans favur Imamoglu u kontra l-Gvern – xeni ta’ tensjoni kbira li rrepetew ruħhom anki f’Ankara u bliet oħrajn fit-Turkija.

Sadanittant, tal-anqas għaxar ġurnalisti spiċċaw arrestati mill-Pulizija fl-ibliet ta’ Istanbul u Izmir u wara sensiela ta’ rejds li seħħew bejn il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn filgħodu. Fost l-arrestati kien hemm fotografu mal-aġenzija AFP li spiċċa arrestat f’daru stess.

L-Unjoni Ewropea tesprimi t-tħassib….

Il-Kummissjoni Ewropea ħeġġet biex it-Turkija ‘tirrispetta u ssostni l-valuri demokratiċi’ bħala Stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll bħala pajjiż kandidat għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, Guillaume Mercier, kelliem għall-Kummissjoni, qal li l-Ewropa trid rwol għat-Turkija bħala parti mill-kontinent iżda hemm ukoll il-ħtieġa kruċjali li t-trmexxija f’Ankara timpenja ruħha biċ-ċar favur id-demokrazija u t-tolleranza għall-opinjonijiet ta’ kulħadd’.

Il-Gvern tal-Greċja wkoll ikkummenta dwar is-sitwazzjoni politika fit-Turkija fost espressjoni ta’ tħassib għal ċirkustanzi (fit-Turkija) li ma jistgħux jitqiesu aċċettabbli fost it-tnaqqir tal-liġi u l-libertajiet ċivili.