Lokali Qorti

Jammetti li sawwat żewġ persuni biex jisraqhom

Żagħżugħ Franċiż ta’ 21 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Abigail Critien li fis-16 ta’ Marzu li għadda flimkien ma’ tliet persuni oħra sawwat tnejn minn nies biex jisraqhom fil-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, b’wieħed mill-vittmi jispiċċa jsofri minn ġrieħi gravi f’wiċċu.

Jean Baptiste Latchimy li ilu Malta minn Awwissu li għadda, qal lill-Qorti li jaħdem il-Casino u li jgħix f’lukanda f’San Ġiljan. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7am. Nhar il-Ħadd li għadda l-Pulizija nnutat wieħed mill-aggressuri, li ġie arrestat wara li marru għalih fejn kien joqgħod fil-lukanda fejn jirrisiedi fejn fost l-oġġetti misruqa nstab arloġġ li jiswa €150.

Il-Qorti, wara li wissiet lill-akkużat biex jaħsibha sew fuq l-ammissjoni tiegħu minħabba li qed jiffaċċja piena karċerarja, ikkonferma l-ammissjoni tiegħu. Id-difiża mmexxija mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Martin Fenech qalet lill-Qorti biex tikkunsidra l-fattur tal-ammissjoni bikrija tal-imputat u għalhekk għandha tmur lejn il-minimu tal-piena.

Il-prosekuzzjoni qalet li taqbel li għandha tmur lejn il-minimu li hija ta’ tliet snin ħabs effettivi. Il-Qorti qalet li kienet se tgħaddi biex tagħti s-sentenza fid-9 ta’ April li ġej.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Darryl Farr megħjun mill-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Martina Calleja.