Ġuri dwar traffikar ta’ droga li kien ġie pospost f’Settembru li għadda, beda jinstema’ t-Tnejn waranofsinhar fejn tlett irġiel qed jiġu akkużati li ttraffikaw kważi 2,000 pillola ecstasy fl-2008. Il-ġuri, ippresedut mill-Imħallef Edwina Grima, jinvolvi lil Rio Micallef ta’ 41 sena mill-Marsa, David Tabone ta’ 40 sena minn Naxxar u Darren James Vella minn Birkirkara ta’ 34 sena.
Micallef qed jaffaċċja akkuża addizzjonali li kellu fil-pussess tiegħu 1,940 pillola ecstasy b’valur ta’ €18,624, filwaqt li Tabone jinsab akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu pilloli MDMA u kokaina. Il-każ imur lura għal Settembru 2008, meta t-tliet akkużati ġew arrestati wara s-sejba ta’ kunsinna sostanzjali ta’ ecstasy.
Sadanittant id-difiża qed tagħmel tentattivi biex twaqqaf il-ġuri minħabba li tnejn minnhom iridu jgħaddu ġuri mingħajr ġurati. Wara li kien hemm ċaħda dwar dan mill-Qorti Kostituzzjonali, parti mid-difiża fetħet kawża oħra li bdiet tinstema’ tard it-Tnejn wara nofs inhar.
Il-prosekuzzjoni qed tallega li Micallef kellu jgħaddi d-droga lil Tabone u Vella f’garaxx f’Birkirkara proprjetà ta’ Vella. Sms’s interċettati wasslu biex isir magħruf li Tabone u Vella kellhom il-ħsieb li jbigħu d-droga lil diversi terzi persuni għal profitti sinifikanti.
Fil-15 ta’ Settembru 2008, sorveljanza tal-Pulizija osservat lill-akkużati jiltaqgħu fil-karozzi tagħhom barra l-Butterfly Bar f’Birkirkara qabel ma marru għall-garaxx fi Triq il-Knisja l-Qadima. Malli ndunaw li kienu qed jiġu segwiti, Micallef ipprova jaħrab iżda nqabad mill-Pulizija.
Vella u Tabone ġew arrestati wkoll, b’Tabone nstab fil-pussess ta’ €9,330 u mwieżen elettroniku li kien fih traċċi ta’ kokaina u ecstasy. Żewġ boroż li kien fihom 1,940 pillola ecstasy, ġew rkuprati minn vann ta’ Micallef.
Instabet drogi addizzjonali fuq il-persuna ta’ Tabone. Għall-akkużi miġjuba kontrihom, it-tliet imputati qed iwieġbu mhux ħatja. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali hu rappreżentat mill-prosekuturi Kevin Valletta, Godwin Cini u Danica Vella. L-akkużati rappreżentati mil-Avukati Josè Herrera u Alex Scerri Herrera għal Rio Micallef; Arthur Azzopardi u Jacob Magri għal David Tabone; u Michael Sciriha u Matthew Xuereb għal Darren James Vella.
F’Settembru li għadda l-ġuri kien ġie xolt wara li ħareġ li wieħed mill-ġurati ta’ riserva kien baqa’ preżenti fl-awla waqt li kienu qed isiru korrezzjonijiet għall-att tal-akkuża. Dawn l-emendi kienu jinvolvu t-tneħħija ta’ partijiet min-narrattiva relatati ma’ dikjarazzjonijiet verbali li għamel Vella lill-Pulizija, li l-Qorti tal-Appell Kriminali qabel kienet iddikjarat inammissibbli.
Bi tweġiba, il-Qorti ordnat lid-deputat reġistratur biex jikkuntattja privatament lill-ġurat inkwistjoni. Il-ġurat sostna li kien qed jilgħab video game fuq il-mobile tiegħu u ma kienx qed jagħti kas tal-proċeduri. Madankollu, l-avukati tad-difiża kienu esprimew xettiċiżmu dwar din l-ispjegazzjoni, u li l-fatt li kien ordnat mill-Imħallef biex joħroġ u baqa’ hemm, kien qed jikser ordni.
L-Avukat Franco Debono, li dak iż-żmien kien jagħmel parti mid-difiża, kien sostna li: “Il-panel ta’ ġurija huwa entità waħda. Jekk huwa mċappas, huma mċappsa,” żied jgħid li anke kieku jissejħu ġurati ġodda, issa jkunu jafu bl-ismijiet u l-akkużi tal-akkużati.
L-Avukat Arthur Azzopardi kien irrimarka l-probabbiltà li ġurati jiċċekkjaw l-aħbarijiet dwar il-ġuri, u tkun kompromessa aktar l-integrità tal-proċess. Minkejja l-isforzi mill-prosekuzzjoni biex issalva l-proċess, inklużi s-suġġerimenti biex jiġu sostitwiti biss il-ġurati supplimentari, id-difiża sostniet li l-ġurija kienet “imċappsa b’mod irrimedjabbli.”
L-Avukat Michael Sciriha kien wissa li t-tkomplija tal-ġuri tista’ twassal għal proċeduri kostituzzjonali. Wara li ddeliberat għal madwar siegħa, l-Imħallef Grima bagħtet lill-ġurati d-dar, u pposponiet il-ġuri.
Aktar żviluppi fil-ġuri li reġa’ beda – talba biex jiġi xolt
Sadanittant il-partijiet ħarġu l-argumenti legali bil-bibien magħluqa. Huwa mifhum li dawk l-argumenti għandhom x’jaqsmu ma’ kawża kostituzzjonali li ġiet ippreżentata tard il-ġimgħa li għaddiet, hekk kif żewġ imputati – Tabone u Vella – qed ifittxu li jgħaddu ġuri mingħajr ġurija.
Il-koppja ressqet każ kostituzzjonali bl-argument li d-dritt tagħhom għal proċess ġust qed jinkiser wara li l-Qorti Kriminali qalet li l-proċess se jkompli minkejja emenda legali riċenti li tippermettilhom jagħżlu jekk għandhomx il-proċess tagħhom bil-ġurija jew mingħajr.
Kemm Tabone kif ukoll Vella għażlu li jgħaddu ġuri mingħajr ġurija, filwaqt li Micallef qal li ried jiffaċċja ġuri bil-ġurija. Tabone u Vella talbu wkoll miżura provviżorja biex il-ġuri jiġi pospost bil-ġurija. Madankollu, l-Imħallef Mark Simiana, li qed jippresiedi l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, ċaħad it-talba għal miżura provviżorja.
Il-każ kompla t-Tnejn, wara li l-ġurija ġiet differita għat-3pm. Il-partijiet se jagħmlu s-sottomissjonijiet finali tagħhom nhar it-Tlieta u Imħallef ieħor mistenni jiddeċiedi dwar l-allegat ksur ta’ proċess ġust sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.
Dan jista’ possibbilment iwassal għax-xoljiment tal-ġurija f’każ li l-qorti tiddeċiedi li tikser id-drittijiet tagħhom. L-Avukat Julian Farrugia rrappreżenta l-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. L-avukati Kevin Valletta, Godwin Cini u Danica Vella qed imexxu prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt il-ġuri.
L-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru f’isem David Tabone. L-avukati José Herrera u Alex Scerri Herrera qed jassistu lil Rio Micallef. L-avukati Michael Sciriha u Matthew Xuereb assistew lil Darren James Vella.