Il-Qorti poġġiet taħt att ta’ akkuża s-sitt żagħżagħ akkużati bis-serqa ta’ 132 kilo reżina tal-kannabis minn kontejner fil-barracks tal-Forzi Armati ta’ Ħal Safi x-xahar li għadda. Il-Maġistrat Elaine Rizzo qalet li kienet semgħet biżżejjed provi fil-konfront tagħhom sabiex huma jgħaddu ġuri b’rabta ma’ din is-serqa.
Dan seħħ hekk kif kmieni wara nofsinhar tat-Tnejn kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Sean Attard ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Yousef Essesi ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar, l-aħwa Carlos Pace ta’ 23 sena u Cleaven Pace ta’ 19-il sena, it-tnejn mill-Marsa, Liam Stewart ta’ 23 sena minn Tal-Pietà u Christa Gauci ta’ 21 sena minn Ta’ Sannat, Għawdex.
Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga xehed fil-Qorti li dakinhar tal-arrest Stewart kellu żewġ qratas kokaina u żewġ ponnijiet tal-ħadid fil-bieba tal-karozza. Id-direttur tan-National Accreditation Board (NAB), Claudio Boffa, xehed ukoll wara li ġie msejjaħ mid-difiża.
Boffa spjega li l-NAB huwa responsabbli mill-akkreditazzjoni tal-laboratorji f’Malta, li jiċċertifika li huma kompetenti biex jagħmlu testijiet differenti. Fix-xhieda tiegħu, Boffa kien mistoqsi jekk il-laboratorju tal-Università ta’ Malta fejn ġew ittestjati d-droga wara l-qabda kienx akkreditat.
Inizjalment Boffa sostna li jkun jeħtieġ li jinħeles mis-segretezza professjonali biex jixhed dwar kwalunkwe applikazzjoni pendenti mil-laboratorju tal-Università ta’ Malta, iżda qal li l-laboratorji akkreditati kollha kienu elenkati fuq il-websajt tal-bord.
Eventwalment, ikkonferma li l-laboratorju ma kienx akkreditat. Wara li spjega l-proċess ta’ akkreditazzjoni, Boffa qal li jista’ jkun hemm differenza “enormi” bejn ir-riżultati miksuba f’laboratorju akkreditat għal dak li mhuwiex.
“Laboratorju akkreditat ikollu bżonn jinvesti fit-tagħmir u l-ħaddiema tiegħu, u jkollu bżonn iċ-ċertifikati meħtieġa,” qal Boffa, u żied li anke l-bord ta’ akkreditazzjoni kien soġġett għal skrutinju minn bordijiet oħra.
Il-Prosekutur Maria Francesca Spiteri li kontroeżaminat lix-xhud, qalet lill-Qorti li ma jistax jikkummenta dwar l-obbligu legali ta’ laboratorju li jikseb l-akkreditazzjoni, peress li xogħol il-bord kien li jakkredita l-laboratorji. “Huwa f’idejn il-laboratorji individwali li jikkonformaw ma’ kwalunkwe liġi li huma suġġetti għaliha,” qal Boffa.
Id-difiża, li qalet li issa x-xhieda huma preservati, talbet għal ħelsien mill-arrest tas-sitt akkużati. Tenniet li x-xhieda pajżana fil-konfront tal-akkużati xehdu kollha u għalhekk għandhom jingħataw il-pleġġ. Madankollu l-prosekuzzjoni baqgħet tinsisti bil-qawwa kollha li d-droga għadha ma nstabitx u li ammont sew minnha għadha tiġri fit-triq u għalhekk l-imputati m’għandhomx jingħataw il-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.
L-avukat difensur Franco Debono minn naħa tiegħu nsista li dwar id-droga li għadha ma nstabitx jeħtieġ li jwieġbu għaliha l-Forzi Armati u nstema’ jgħid fl-awla: “staqsu lill-AFM, ma nistgħux nibqgħu nippretendu miż-żgħir waqt li s-suldati tal-AFM jibqgħu ma jwiġbux”.
Il-Maġistrat Rizzo fakkret lid-difiża li s-suldati għandhom id-dritt tas-silenzju għax jistgħu jinkriminaw ruħhom bil-prosekuzzjoni żiedet tgħid li l-investigazzjonjiet għadhom għaddejjin u mhux eskluż li jitressqu aktar persuni b’rabta ma’ dan il-każ.
Waqt li ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest ta’ Liam Stewart, minħabba li ammont sostanzjali tad-droga misruqa għadha ma nstabitx, il-Maġistrat Rizzo infurmat lill-partijiet li deċiżjoni dwar il-ħames akkużati l-oħra se tagħtiha fil-jiem li ġejjin.
Għal Christa Gauci, Cleaven Pace u Carlos Pace qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit; għal Liam Stewart l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit; għal Sean Attard l-Avukati Franco Debono u Matthew Xuereb u għal Yousef Essesi l-Avukat Amadeus Cachia.
Il-każ se jkompli fit-28 ta’ April fl-10am.
//= $special ?>